“Se nibqgħu gvern li jħares ir-ruħ soċjali tiegħu”

Il-Prim Ministru Robert Abela jgħid li se jibqgħu viċin iż-żgħir u l-batut, liema garanzija se tingħata fil-baġit li jmiss

“Nagħti garanzija lill-poplu kollu li se nibqgħu gvern li jħares ir-ruħ soċjali tiegħu, li hija waħda mill-erba’ prinċipji li fuqhom huwa msejjes il-Partit Laburista, u nagħti garanzija li se nibqgħu viċin iż-żgħir u l-batut. Dik il-garanzija se tingħata fid-19 ta’ Ottubru meta nkunu se nħabbru l-baġit, baġit li t-tema ewlenija se tkun proprju l-ħarsien tal-interessi taż-żgħir u tal-batut. Dak huwa dak li jiddefinixxi l-politika ta’ dan il-gvern.”

Hekk qal il-Prim Ministru u Mexxej tal-PL Robert Abela waqt li kien qed iwieġeb il-mistoqsijiet tan-nies f’Ħal Balzan, l-ewwel attività wara diversi xhur u li saret b’konformità mal-miżuri tal-Awtoritajiet tas-Saħħa, filwaqt li għal darb’oħra tkellem dwar kemm il-kuntatt man-nies huwa kruċjali u li hija l-bażi tal-politika li jemmen fiha u appella biex jibqgħu partit viċin in-nies.

Il-Prim Ministru qal li l-pensjonanti taħt dan il-gvern se jibqa’ jkollom is-serħan il-moħħ li tawhom f’dawn l-aħħar seba’ snin. Huwa qal li jara futur sabiħ għall-pajjiż, inkluż fis-settur tat-turiżmu, u tkellem dwar il-wage supplement ta’ €800 fix-xhar għall-ħaddiema kollha fis-setturi l-aktar milqutin minħabba l-pandemija tal-Covid-19. Huwa qal li din kienet miżura verament b’saħħitha, flimkien ma’ miżuri oħra bħar-rebate fuq il-kontijiet tad-dawl u r-rebate fuq il-kirjiet, kollha maħsubin biex iżommu n-negozji b’saħħithom u jagħtu s-serħan il-moħħ lin-nies kollha li mhux se jitilfu xogħolhom.

Dwar il-wage supplement, il-Prim Ministru qal li se jżommuh sakemm ikun meħtieġ.Jien konvint li jgħaddu ftit tax-xhur u l-ekonomija ta’ pajjiżna jkollha rebound li tissaħħaħ aktar milli kienet. Naf kemm hi reżiljenti l-ekonomija tagħna u n-negozji tagħna. Il-finanzi tal-pajjiż jippermettu li l-miżuri li għamilna u li se nniedu nhar it-Tnejn 19 ta’ Ottubru, huma sostenibbli,” qal Abela.

Id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista Daniel Micallef qal li jemmen li għandna biex inkunu tassew kburin għax dan il-pajjiż kellu tmexxija għaqlija fl-aħħar snin u li l-gvern seta’ jintervjeni biex jiġu salvati għexieren ta’ impjiegi. Dwar il-baġit li se jitħabbar fid-19 ta’ Ottubru, Micallef qal li se jkollna baġit tajjeb xprunat mill-valur tal-ġustizzja soċjali u li se jkompli jagħti fiduċja lis-setturi kollha.

“Kull ġurnata ta’ edukazzjoni li tintilef hija irriversibbli”

Il-Prim Ministru tkellem dwar ir-realtà tal-edukazzjoni hekk kif it-tfal qed jirritornaw lura fl-iskejjel wara ftuħ partikolari u li sar wara diversi diskussjonijiet. Abela appella biex wieħed ma jċekkinx l-importanza tal-edukazzjoni u sostna li kull ġurnata ta’ edukazzjoni li tintilef hija irriversibbli. Huwa qal li jifhem li għad hemm ġenituri li għandhom il-biża’, minkejja l-protokolli li saru biex tassew tiġi żgurata s-saħħa tat-tfal u tal-edukaturi. Għal dawn il-ġenituri, Abela qal li jixtieq jagħmlilhom kuraġġ filwaqt li rrefera għall-fatt li flimkien ma’ martu ħadu d-deċiżjoni ċara li jibgħatu lit-tifla tagħhom l-iskola. 

“It-tfal għandhom jmorru l-iskola. Għal dawk il-ġenituri li sa issa għadhom qed jibżgħu, huwa kruċjali li jieħdu t-tagħlim onlajn kollu,” qal Abela filwaqt li qal li xejn ma jieħu post it-tip ta’ edukazzjoni li tingħata lit-tfal b’mod fiżiku fil-klassijiet.

Dwar dan qablet anke l-President tal-Partit Laburista Ramona Attard li qalet li s-saħħa fiżika hija importanti, iżda daqstant importanti hija s-saħħa mentali u temmen li mhux san li għandna tfal li ilhom minn Marzu ma jmorru l-iskola u għalhekk huwa importanti li t-tfal imorru l-iskola u jkomplu bil-vjaġġ edukattiv u soċjali tagħhom.

“Aħna m’aħniex gven li ndaħħlu lin-nies f’lockdown”

Il-Prim Ministru qal li t-turiżmu kien, għadu u se jibqa’ sinsla importanti fl-ekonomija tagħna. Huwa qal li meta reġgħu fetħu l-ajruport kienet deċiżjoni li jkun hemm bilanċ bejn is-saħħa tan-nies, l-ekonomija u l-fatt li t-turiżmu mhux biss huwa importanti għal-lukandi imma għal diversi setturi oħra.

Il-Prim Ministru sostna li t-triq ‘l quddiem mhix li jgħalqu l-ajruport imma li jkun hemm tip ta’ vvjaġġar li jibqa’ wieħed sikur u dan isir permezz ta’ sistema biex kemm jista’ jkun ma jkollnix wasliet ta’ nies li jkunu infettati bil-virus.

Għaldaqstant, Abela qal li d-direzzjoni hija li jkompli l-ittestjar u jkun hemm sistema ta’ rapid testing, filwaqt li dawk li jiġu mill-pajjiżi fuq il-lista oranġjo jkomplu jippreżentaw test li juru li huma negattivi għall-virus.

Il-Prim Ministru qal, “Aħna m’aħniex gvern li ndaħħlu lin-nies f’lockdown. Nagħmlu dawk il-miżuri li tgħidlina s-Suprentendenza tas-Saħħa Pubblika, naraw li jkun hemm infurzar li diġà huwa b’saħħtu u se jkun aktar b’saħħtu, imma mhux ngħalqu l-ekonomija tal-pajjiż, indaħħlu l-biża fin-negozji tagħġna u nsakkru n-nies id-dar.”

Intant, il-Prim Ministru  fakkar meta f’Lulju, il-Gvern innegozja bil-għaqal fi Brussell u rnexxielu jikseb pakkett finanzjarju li huwa d-doppju ta’ dak li nnegozjat amministrazzjoni preċedenti fl-2012. Dan, qal il-Prim Ministru, huwa riżultat ta’ min ma jistħix jgħid li hu Malti u jkun kburi b’pajjiżu u bil-poplu tiegħu.

Share With: