Seklu ta’ ħidma

Minn Benny Borg Bonello

Din is-sena l-Partit Laburista għalaq mitt sena.  Din kienet okkażjoni importanti ħafna fl-istorja ta’ Malta.  Wieħed irid jiftakar l-istat li kienu jgħixu fih il-Maltin.  Ftit nafu għalkemm issa hemm mhux ħażin kotba tal-istorja ta’ Malta.  Biss il-konċentrazzjoni dejjem kienet fuq il-klikek li kienu jew jippruvaw jmexxu lil Malta.  Wieħed jieħu impressjoni li dawn kienu l-poplu Malti sakemm jibda janalizza minn kienu dawn in-nies.  U hemm jara dawk li dawn kienu jridu l-poter jew influwenza qawwija biex jipproteġu l-importazzjoni.  U hemm mal-ewwel tistaqsi, fejn kien il-poplu Malti, kif kien jgħix, xi kwalita’ tal-ħajja kellu u mitt mistoqsija oħra. 

U hawn f’daqqa waħda ssib baħħ.  Qiesu l-poplu Malti kien jgħix bħal dawk in-nies.  Ir-raġuni hi li dawn in-nies li kienu qed jiġġieldu għall-poter, qatt ma kienu jħarsu lejn il-bżonnijiet li kellu l-poplu.  U mill-ftit li ħarġu* wieħed jittendi kemm kienu kbar dawn il-bżonnijiet.  Mhux talli hekk, talli l-istorja turi li dawk il-ftit nies li riedu li leħen il-poplu jibda jinstema’ kienu ppersegwitati sew minn dawn in-nies u anki mill-Knisja.  Tnejn minn dawn in-nies kienu Mikiel Anton Vassalli u Manwel Dimech – tnejn min-nies li ppruvaw juru lill-poplu li huma kienu nies ukoll u l-bżonnijiet u l-interessi tagħhom kien hemm bżonn li jinstemgħu. 

Biss ma nrexxilhomx għaliex dawn kienu waħedhom.  U hawn kienet il-bidla kbira li għamlu grupp ta’ nies b’pożizzjonijiet differenti iżda b’interess li mhux biss il-poplu jieħu l-bżonnijiet tiegħu, iżda li leħnu jibda jinstema’ biex l-aspirazzjonijiet tiegħu jitilgħu fil-wiċċ ukoll.  Dawn waqqfu l-Partit Laburista li beda jsemma lil dawn in-nies u l-bżonnijiet tal-familji tagħhom. 

Dan joħoġ ċar speċjalment wara t-Tieni Gwerra Dinjija.  F’dak iż-żmien ħafna mhux biss ma kellhomx x’jieklu iżda kellek ħafna minnhom li lanqas saqaf ma kellhom fejn joqogħdu.   Mhux biss, iżda anki l-futur ma kienx jidher sabiħ.  Ir-raġuni hi li lil Malta, l-Ingliżi kienu ġabuha litteralment fortizza, fejn l-ekonomija kienet biss fuq tliet setturi – il-militar, l-akbar wieħed, l-importazzjoni u l-agrikoltura.  Dan tal-aħħar kien fi stat miżeru ħafna għaliex barra li l-art mhix fertili qatt ma saru x’investimenti fih u għalhekk lanqas qatt ma seta’ jlaħħaq biex jitma l-poplu.

Kif spiċċat it-Tieni Gwerra Dinjija. kien hemm tliet partiti, tnejn minnhom, il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Kostituzzjonali, kienu l-kbar qabel il-gwerra, u l-Partit Laburista barra xi partiti żgħar oħra li tfeġġu.  Il-poplu Malti ħareġ mill-gwerra imfarrak fejn ma kellek l-ebda settur ekonomiku jaħdem barra l-militar ħlief dak tal-agrikoltura u l-importazzjoni.   Bħala fortizza l-futur ma kienx sabiħ għax il-poplu kien ittenda li l-attivita’ ekonomika f’dan is-settur tikber biss fil-gwerra u mhux fil-paċi.  Dan kien ifisser li dawk mill-poplu li kienu fuq ta’ quddiem fil-gwerra jiffaċċjaw l-akbar perikli, wara r-rebħa tal-gwerra, kienu ser jiffaċċjaw periklu akbar – dak tal-qgħad.

U hawn toħroġ id-differenza tal-partiti f’Malta – differenza li għadha tidher sal-lum.  Filwaqt li l-Partit Nazzjonalista u l-Partit Kostituzzjonali kien jinterresahom biss fuq il-poter, il-Partit Laburista kellu interessi oħra.  Fil-fatt l-akbar interess li kellu l-Partit Laburista kien li l-poplu jerġa’ jieħu l-ħajja – in-nies ikollhom x’jieklu, ikun hawn ix-xogħol, ikun hemm għajnuna lil min hu batut u jkun hemm il-bażi ta’ struttura amministrattiva moderna li tgħin biex l-ekonomija tagħna mhux biss tieħu l-ħajja iżda tikber u tivversifika.  Barra l-aspetti soċjali u amministrattivi, bidla kbira kienet fl-edukazzjoni.  Wieħed ma jridx jinsa li l-edukazzjoni teknika kellha l-bidu tagħha taħt gvern Laburista fil-ħamsinijiet.

Id-differenza fil-partiti politiċi kont taraha mill-attivita’ politika tal-partiti.  Jekk inqisu l-aspett mal-Gvern Ingliż, il-PN u l-PK kien moħħhom biss fil-Kostituzzjoni li filwaqt li l-PL kien aktar jagħfas biex il-Gvern Ingliż jagħti għajnuna finanzjarja lill-Maltin biex inkunu nistgħu ngħinu l-poplu. Jekk naraw l-aspett lokali nsibu li filwaqt li l-PN u L-PK flimkien mal-Knisja l-interess prinċipali kien li jżommu l-poter li kellhom fuq il-poplu.  Dan joħroġ ċar bil-ħidma tal-PN, il-PK u l-Knisja li kienet il-ħin kollu tattakka lill-PL biex dan ma jieħux il-poter f’idejh għax kienu jafu li ser idaħħal riformi bħall-vot lil kulħadd inkluż tan-nisa li kien ser inaqqsilhom ferm il-poter assolut li kellhom fuq il-poplu.  Kien għalhekk li l-akbar attakk kienet il-gidba li l-PL kien ser idaħħal il-komuniżmu f’Malta.  Din kienet l-akbar gidba li ħolqot il-Knisja f’dak iż-żmien.  Ir-raġuni toħroġ ċar f’dak li ġara fis-70ijiet.  Fis-70ijiet, il-Gvern Malti kien immexxi mill-PL.  Li kieku kien komunista, ma kien ikollu l-ebda problema li jdaħħal il-komuniżmu f’dak iż-żmien.  Xi ħaġa li ma gratx għax l-interess tal-PL kien fin-nies.

Dan l-interess fil-poplu tal-PL mhux karatteristika biss tal-passat iżda anki hu tal-lum.  Dan joħroġ ċar fil-baġit 2021.  Hu baġit li l-interess tiegħu hu l-poplu.  Dan il-baġit irridu narawh minn żewġ dimensjonijiet.  L-ewwel dimensjoni hu ż-żmien.  Il-baġit mhux biss qed jara l-ħtigiet tal-lum iżda anki tal-futur.  Il-COVID-19 ġabet ħerba fil-ħajja tagħna u dan il-baġit qed jilqa’ għaliha.  Il-baġit qed jara l-affarijiet b’mod wiesa’ ħafna għaliex mhux biss qed jara n-nies xi bżonnijiet għandhom illum f’dan il-mument kritiku, iżda qed jara wkoll li joħloq id-domanda għall-affarijiet.  Biex ikompli jagħti spinta lid-domanda l-baġit reġa’ ħaseb għal vouchers.  Biss dan ma kienx biżżejjed għaliex il-baġit tas-sena d-dieħla qed jara wkoll dak li beda din is-sena – sforz qawwi biex in-negozji ma jagħlqux u mbagħad wara meta terġa’ titla’ d-domanda jridu jerġgħu jibdew mill-bidu.  Għalhekk l-għajnuna li qed jagħti lin-negozji biex jibqgħu għaddejjin mhux biss ser ittaffi t-toqol ta’ din is-sena iżda qed tkun preparazzjoni biex l-ekonomija tqum aktar malajr.  Dan barra l-miżuri biex inkomplu niftħu oqsma ġodda fl-ekonomija.

It-tieni dimensjoni ta’ dan il-baġit hi l-fond tiegħu.  Barra l-ekonomija qed jara wkoll il-bżonnijiet ta’ sezzjonijiet partikolari – bħal dawk pensjonanti.  Il-Gvern li kieku ried seta’ uża l-iskuża tal-pandemija biex ma jkomplix jagħti żidiet minħabba n-nefqa biex niffaċċjaw il-COVID-19.  Biss dan il-baġit baqa’ għaddej bħal ma sar fil-baġits ta’ qabel.  L-aspett soċjali ngħata l-importanza tiegħu.  Dan biex in-nies f’dawn is-setturi ma jaqgħux lura. 

Dan il-baġit ma waqafx hemm għaliex il-Gvern hu konxju bil-kriżi oħra li ser inkunu niffaċċjaw.  Din hi kriżi fl-ambjent.  Il-miżuri li ddaħħlu f’dan il-baġit mhux ser isolvu l-kriżi tal-ambjent għaliex kien biss f’dawn l-aħħar seba’ snin li bdejna nagħtu kas tal-ambjent.  Veru li l-miżuri mhux ser isolvu l-problema biss hu l-ewwel baġit li ta ħarsa wiesgħa lejn l-ambjent u l-mizuri li tħabbru ser ikollhom effett fuq diversi aspetti ta’ dan.  Dan ser jagħti bażi soda li fuqha nistgħu nibnu ħidmiet oħra fil-futur f’dan il-qasam. 

L-ambjent ifakkarni fuq dak li qal Bernard Grech fuq l-ambjent.  F’kumment li għamel fuq il-baġit in ġenerali kien li dan il-baġit hu riċiklat.  Dan ifisser li dan lanqas għandu idea dwar l-ambjent għaliex int tirreċiklika xi ħaġa wara li ma jkollokx bżonnha u tirreċklika biex issalva l-materjal.  Dan il-baġit bena fuq il-baġits ta’ qabel u mhux irreċiklika!

Il-kumment li għamel Grech fuq l-aspett ambjentali tal-baġit kompla wrieni kemm ma jaf xejn dwar dan is-suġġett.  Dak li qara kien meħud minn rapporti internazzjonali kif nistgħu nħarsu l-ambjent.  Litteralment kien ‘copy and paste’.  Li kieku kien essay għandu xorti kien iġib ‘C’ għaliex l-ebda aspett milli semma ma applikah għal Malta.  Wera kemm ma jaf xejn la dwar l-ambjent u lanqas fuq Malta. 

Mhux ta’ b’xejn jistħi jgħid li hu Malti għax jekk jistaqsuh xi ħaġa fuq pajjiżu mal-ewwel jittendu li ma jaf xejn fuq pajjiżu!

Biss għalija l-akbar żball li għamel kien li biex imaqdar dan il-baġit ipprova jikkompara dan il-gvern mal-gvern ta’ qabel.  Veru li għaddew seba’ snin imma ftit huma dawk li jinsew li l-gvern ta’ Gonzi għad irid jitniżżel fl-istorja bħala l-agħar gvern li qatt kellha Malta.  Dan narawh fil-faqar li ġab Gonzi minħabba l-għoli fit-tariffi fid-dawl u l-ilma.  Fl-aħħar erba’ snin tal-gvern ta’ Gonzi ‘energy poverty’ kienet telgħet għal 24% minn 8%.  Dan kien ifisser li kwart tal-poplu kien fqir f’dan il-qasam. U wara kien ħareġ jgħid li l-faqar hi perċezzjoni!

Il-gvern ta’ Gonzi kien ġab l-ekonomija għarkuptejha tant li anki l-UE kellha tindaħal biex turih kif għandu jagħmel baġit!  

Dan barra l-aspetti tas-saltna tad-dritt.  Nesa Grech kif kienet tinħatar il-ġudikatura?  Nesa kif kienet tinbiegħ l-art tal-gvern lil xi ‘ħbieb’?  Nesa li b’daqqa ta’ pinna, xi ħadd kien ħeles lill-kuntrattur tal-Mater Dei minn kull responsabbilta’?  Fejn kien Grech?  Jew kien wieħed minn tal-qalba.  Fejn kienu l-prinċipji tiegħu jew kellu jkun gvern laburista biex żviluppawlu dawn il-prinċipji?

*Ktieb tal-istorja li jħares lejn dan l-aspett importanti hu ‘A  revision of Maltese History’ ta’ Mark Camilleri li tefa’ xquq ta’ dawl importanti dwar kif kien jgħix il-poplu tul iż-żminijiet.

Share With: