Sentenza ta’ ħabs imnaqqsa għal eks-xufier ta’ ministru

Eks-xufier ta’ ministru kellu s-sentenza sospiża ta’ ħabs imnaqqsa wara li mħallef laqgħetlu parti mill-appell.

Paul Sheehan, li għandu 46 sena, kien ix-xufier tad-deputat Manuel Mallia meta dan kien għadu jservi bħala ministru responsabbli mill-intern.

Fid-19 ta’ Novembru 2014 huwa kien involut f’inċident fejn meta kien fid-dar t’ommu fil-Gżira meta Stephen Smith laqatlu l-karozza tax-xogħol u baqa’ sejjer.

Sheehan, li dak iż-żmien kien pulizja, ġera warajha bil-karozza u spara xi tiri sakemm ġew pulizija oħra fuq il-post.

Huwa tressaq fil-Qorti fejn instab ħati li spara lejn il-karozza ta’ Smith bil-Maġistrat Rachel Montebello tikkundannah 22 xahar ħabs sospiżi għal tliet snin.

L-appell tiegħu nstema quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera fejn din irrimarkat li skont wieħed mill-artikli tal-liġi li tiegħu nstab ħati l-piena kellha tkun inqas.

Kien għalhekk li minflok 22 xahar ħabs sospiżi għal tliet snin ikkundannatu 15-il xahar ħabs sospiżi għall-istess perjodu.

Min-naħa tiegħu Smith kien ġie immultat €2,000 mill-Qorti wara li nstab ħati li fl-istess inċident saq b’mod traskurat u kien taħt l-influwenza tax-xorb.

Share With: