Sid ta’ razzett jeħel 15-il xahar ħabs talli abbanduna l-klieb

Instabu għadma u ġilda mdawrin fil-ħmieġ tagħhom stess

Sid ta’ razzett f’Ħaż-Żebbuġ intbagħat 15-il xahar ħabs effettivi wara li nstab ħati li ħalla numru ta’ annimali fir-razzett tiegħu jgħixu bil-ġuħ u fil-ħmieġ tagħhom stess għal tliet xhur sħaħ. 

Sergio Borg ta’ 40 sena kien tressaq fil-Qorti f’Jannar li għadda mixli li ġiegħel klieb isofru uġigħ u tbatija bla bżonn, li abbanduna lill-istess klieb, żammhom marbutin b’katina u naqas milli jieħu ħsiebhom, u li sar reċediv fost oħrajn.

Borg kien spjega lill-Pulizija li huwa kien ilu jikri r-razzett fejn kienu jinżammu l-annimali inkwistjoni għal madwar sitt snin u f’Jannar li għadda, meta l-uffiċjali tad-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali marru jagħmlu spezzjoni f’dan ir-razzett, dan kien għadu mikri għandu. 

Jirriżulta li l-imputat ma kienx joqgħod f’dan ir-razzett u li dan kien jintuża biss biex jinżammu fih l-annimali tiegħu. Huwa qal li f’dan ir-razzett kien iżomm ħamest iklieb, b’wieħed minnhom ma kienx micro-chipped, diversi fniek, żewġ sriedak u beċċun. 

Huwa rrimarka wkoll li fit-tliet xhur ta’ qabel Jannar, beda jsib l-aċċess tiegħu għar-razzett kien qed jiġi ostakolat minn terzi persuni b’mod li ma setax jibqa’ jidħol fir-razzett bħalma kien jagħmel qabel u biex jidħol kellu jaqbeż minn fuq ħajt.

Stqarr li minħabba f’hekk ma setax ikompli jmur kuljum, kif kien jagħmel qabel, biex jagħlef lill-annimali u jnaddfilhom u lanqas seta’ jibqa’ joħroġ il-klieb biex jagħmlu ftit eżerċizzju. 

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello, filwaqt li semgħet lil Borg jammetti l-akkużi miġjuba kontrih, innotat kif iċ-ċirkostanzi ta’ dan il-każ ilaħħqu, jekk mhux jeċċedu, f’dak li huwa moħqrija u krudeltà, każ ta’ att pożittiv ta’ sadiżmu.

Il-Qorti żiedet tirrimarka li minflok ir-raġel kien ħa azzjoni biex jiżgura li dawn l-annimali ma jkunu neqsin minn xejn, iddeċieda li jagħlaq għajnejh u ma jagħmel assolutament xejn biex iħares l-interessi tagħhom u b’hekk ikkundannahom ġurnata wara l-oħra, għal mewt iddisprat. 

Fil-fatt, mill-ispezzjoni li saret fir-razzett instabu diversi annimali fosthom qanfud, għasfur u żewġ sriedak mejtin, imdawrin bil-ħmieġ tagħhom u mingħajr ebda ikel u ilma b’uħud minnhom maqfulin fil-gaġeġ. L-istess spezzjoni kienet twettqet fuq rapport li sar lid-Direttorat mhux mill-imputat, iżda minn terza persuna. 

“Huwa diffiċli jekk mhux impossibbli jitwemmen kif bniedem jista’ xjentement jagħżel li jabbanduna lill-annimali tiegħu – li wara kollox kienu totalment dipendenti minnu għall-inqas mill-bżonnijiet tagħhom ġaladarba huwa kien qafilhom fir-razzett.”

Dwar il-piena, il-Qorti qalet li din kellha tirrifletti l-qofol ta’ kefrija murija minn Borg u mwettqa minnu fil-konfront tal-annimali tiegħu, meta kkundannahom għall-iktar destin kiefer immaġinabbli b’riżultat tal-imġiba deliberata għad passiva, tiegħu.

Wara li qieset kollox, fuq ammissjoni tiegħu stess, il-Qorti sabet lil Borg ħati tal-akkużi kollha miġjuba kontrih u kkundannatu 15-il xahar priġunerija effettiva.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Kylie Borg.

Share With: