Sta Lucia jaħsdu liċ-champions Floriana

Minn Cris Muscat  –   ritratt: Christine Borg

Santa Lucia………………..2

Floriana……………………..1

Sta Lucia ħasdu liċ-champions Floriana meta f’partita pjaċevoli dawru telfa f’rebħa ta’ 2-1, bil-goals jaslu fi spazju ta’ minuta fit-tieni taqsima. Kienet partita li fiha r-riżultat seta’ mar kull naħa iżda wara li qalbu l-iskor favur tagħhom, il-Luċjani baqgħu jamministraw il-vantaġġ li kellhom sa tmiem il-partita.

Ta’ nota huwa l-fatt li din kienet l-ewwel rebħa għal Sta Lucia fil-kampjonat wara telfa fl-ewwel partita u żewġ draws konsekuttivi. Min-naħa l-oħra din kienet it-tieni telfa għal Floriana li għal din il-partita kellhom diversi players importanti neqsin, biex b’hekk beda jberraq għalihom.

Kien biss fit-22 minuta li waslet l-ewwel azzjoni denja ta’ nota, bil-Greens joħolqu l-ewwel periklu meta Diego Venancio kellu free-kick insidjuż li ntemm ftit għoli.

Il-Luċjani wieġbu żewġ minuti biss wara meta Rei Tachikawa indirizza cross perikoluż Jose De Araujo li kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu mill-viċin tiġi salvata mill-goalkeepr Justin Spiteri li f’din il-partita reġa’ ngħata ċ-ċans mill-coach Enzo Potenza li jiddefendi l-lasti Furjaniżi.

It-team immexxi mill-coach Oliver Spiteri għamel reazzjoni u fit-33 minuta, minn azzjoni ta’ free-kick, Jamie Zerafa kellu t-tentattiv salvat minn Justin Spiteri.

Iżda fl-44 minuta kienu Floriana li fetħu l-iskor meta FLAVIO CHEVERESAN venven xutt minn tarf il-kaxxa li ma ta l-ebda ċans lill-goalkeeper Andreas Vella  jsalva.

Fil-ftuħ tat-tieni taqsima Santa Lucia ħarġu ferm aggressivi fit-tentattiv li jġibu l-iskor indaqs u rnexxielhom jagħmlu dan, fit-53 minuta, permezz ta’ freekick mill-isbaħ ta’ KEVIN ANTE ROSERO, bil-ballun jintemm fir-rokna tax-xibka.

Dan il-goal kiesaħ u biered kien doċċa kiesħa fuq Floriana li dehru maħsuda għal kollox u minuta biss wara sofrew it-tieni goal meta f’kontrattakk veloċi REI TACHIKAWA għeleb lil Justin Spiteri permezz ta’ xutt fil-baxx.

Santa Lucia mtlew bil-kunfidenza u bdew jipproduċu logħob sabiħ u fit-63 minuta resqu viċin li jiskorjaw it-tielet goal meta xutt sabiħ ta’ Alan da Silva Souza sab lil Justin Spiteri attent li salva tajjeb.

Għall-kumplament tal-logħba, Floriana ppruvaw jagħmlu reazzjoni biex isalvaw punt minn din il-partita iżda Sta Lucia għarfu jikkontrollaw il-furja tagħhom biex il-Luċjani rreġistraw l-ewwel rebħa fuq il-Greens fl-istorja tal-football Malti.

Santa Lucia: 1-Andreas Vella I, 2-Timmy Tabone Desira (27-Andreas Vella II 77), 4-Junior Andre Fausto Prates Rodrigues, 6-Kevin Correia, 9-Jose De Araujo Sulva Glaucio (21-Michael Camilleri 32), 10-Alan Da Silva Souza (24-Liam McKay 70), 11-Kevin Ante Rosero, 17-Victor Luiz Prestes Filho, 22-Jamie Zerafa, 88-Rei Tachikawa, 98-Kieran Xuereb Coach: Oliver Spiteri

Floriana: 90-Justin Spiteri, 5-Moustapha Beye Muhamadou, 6-Enzo Ruiz, 7-Diego Venancio, 11-Brandon Paiber, 17-Jurgen Pisani (96-Daniel Agius 82), 22-Alex Cini, 27-Flavio Silva Cheveresan, 29-Marcelo Dias (9-Kristian Keqi 59), 94-Ryan Camenzuli, 99-Tiago Adan Fonseca Coach: Enzo Potenza

Referee: Andrea Sciriha

Ass. Referees: Darko Stankovic, Duncan Spencer

Raba’ Uffiċjal: Matthew De Gabriele

Skorers: F. Silva Cheveresan 44 (F), K. Ante Rosero 53, R. Tachikawa 54 (SL)

Ammoniti: K. Xuereb, A. Da Silva Souza, M. Camilleri (SL), B. Paiber, D. Venancio, M. Beye Muhamadou (F)

Player tal-Logħba: Rei Tachikawa (SL)

Share With: