Tennis: Iga Swiatek tirbaħ l-Open ta’ Franza

Id-dinja tat-tennis laqgħet stilla oħra hekk kif it-tennista żagħżugħa Iga Swiatek rebħet it-titlu tal-Open ta’ Franza wara wirja mill-aqwa. It-tennista ta’ 19-il sena mill-Polonja damet siegħa u 23 minuta sabiex għelbet l-isfida denja tal-Amerikana, Sofia Kenin bi skor ta’ 6-4,6-1.  

Swiatek ftit dehret eċċitata b’din l-okkażjoni unika li kellha tant li wriet talent mill-aqwa u kunfidenza ta’ veterana fil-logħob tagħha. Anke l-kummentatur li kien qed jikkummenta l-logħba faħħar il-kwalitajiet tekniċi ta’ Swiatek li serqet qlub l-ammiraturi tat-tennis internazzjonali.  

Wara din ir-rebħa, l-għidut hu li Swiatek hi l-istilla l-ġdida tal-kategorija femminili bil-futur tagħha li jidher dejjem isbaħ. Hi kellha wirja tajba tant li f’dawn l-aħħar ħmistax il-ġurnata ma tilfet l-ebda set kull darba li lagħbet. Wara r-rebħa f’din il-finali, hi rebħet is-somma ta’ £1.45 miljun sabiex saret l-ewwel tennista Pollakka li rebħet dan it-titlu f’Pariġi.  

Fil-kummenti li tat wara din ir-rebħa, Swiatek kienet ferm kuntenta u ddedikat dan is-suċċess lill-familja tagħha li dejjem kienet viċin tagħha. Hi qalet li ma tistax temmen kif dan kollu sar realtá u ftakret fit-titlu li rebħet sentejn ilu fil-kategorija tal-Juniors. Hi sostniet li waqt din il-finali kienet mentalment iffukata u dan għen sabiex jasal dan is-suċċess.  

It-tennista Pollakka waslet sa din il-finali hekk kif tilfet biss 23 games f’sitt logħbiet. F’din il-finali hi bniet vantaġġ ta’ 3-0 sabiex l-avversarja Amerikana għamlet reazzjoni tant li reġgħet daħlet fil-logħba.  

Finalment Swiatek temmet tgħid li hi bniedma li kapaċi żżomm saqajha mal-art u lesta biex tkompli titgħallem filwaqt li tinsab kburija li rrappreżentat lil pajjiżha bl-aħjar mod possibbli. 

Share With: