Theddida għall-uniku ġnien fil-Gżira

Is-Sindku tal-Ġżira b’petizzjoni kontra l-bini ta’ pompa tal-fjuwil li se ssir f’nofs in-nies u tnaqqar spazju miftuħ  

Minn Carmen Cachia

Petizzjoni li diġà ġabret mal-2,500 firma online u mill-inqas elf oħra bl-idejn, qiegħda ssir biex jitwaqqaf il-bini ta’ pompa tal-fjuwil ġdida minflok dik li tinsab viċin il-pont ta’ Manoel Island. Is-Sindku tal-Gżira, Conrad Borg-Manchè, b’kumbinazzjoni sar jaf li applikazzjoni li saret lura fl-1999, riċentament ingħatat permess li timxi 100 metru bogħod fid-direzzjoni ta’ Ta’ Xbiex u tiġi fi Triq ix-Xatt.  Borg-Manchè lmenta ma’ Inewsmalta dwar il-bini ta’ din il-pompa fejn saħaq li ma jagħmilx sens li din issir u li huwa se jieħu kull rimedju biex iwaqqaf dan l-iżvilupp għall-ġid tar-resident kollha tal-lokalità tal-Gżira.

Il-bini ta’ din il-pompa fil-lokalità popolata tal-Gżira se jwassal biex barra li tieħu parti minn spazju miftuħ li diġà huwa limitat ferm, se ttellef is-sens kollu tal-“Ġnien Kunsill tal-Ewropa” li jilagħbu fih it-tfal minħabba riħa u periklu għall-ambjent. Huwa proprju għalhekk li l-Kunsill Lokali tal-Gżira qiegħed jilmenta b’petizzjoni lill-Parlament fejn qiegħed jitlob lill-Gvern jissalvagwardja l-ġnien tal-Gżira fl-intier tiegħu u biex ma jippermettix pompa tal-fjuwil tieħu xi parti minnu.

“Jiena, flimkien mal-Kunsill u l-maġġoranza assoluta tar-residenti tal-Gżira ma rridux li tinbena din il-pompa għax pompi tal-fjuwil ma tagħmilhomx fil-ġonna. Il-fumes tal-petrol se jinxammu u se jkun hemm impatt enormi fuq dan il-ġnien. Diġà huwa ħażin ħafna li jkollok pompa tal-petrol viċin ġnien aħseb u ara fih,” saħaq is-Sindku tal-Gżira.

Il-Kunsill Lokali ta’ din il-lokalità ma kienx jaf li applikazzjoni li saret aktar minn 20 sena ilu reġgħet tressqet. Borg-Manchè qal li kien b’kumbinazzjoni u fl-istess ħin “imn’alla”, li saru jafu fiż-żmien għax setgħu jibdew azzjoni kontra dan l-iżvilupp. 

“Għaluex għandna nissagrifikaw l-unika spazju miftuħ bis-siġar fil-Gżira biex tinbena pompa tal-petrol oħra meta diġà hemm tlieta oħra ftit ta’ metri ‘l bogħod?” – is-Sindku tal-Gżira

“Jien żgur li qatt ma kont se naqbel ma’ proġett bħal dan. L-unika raġuni li reġgħu mexxew din l-applikazzjoni hija minħabba l-obbligi imposti fuqna mill-Unjoni Ewropea biex ngħollu l-livell tal-pompi tal-fjuwil sal-aħħar tas-sena,” sostna dan is-Sindku.

“Ikun żball kbira jekk tinbena din il-pompa…”

Borg-Manchè qal li f’dan il-ġnien ikun hemm it-tfal jilagħbu u hemm il-periklu li barra r-riħa tossika, hemm ċans li jinżel xi petrol fil-ħamrija bi ħsara ovvja lill-ambjent. “Diġà saret ħsara fil-baħar minħabba l-petrol. Qegħdin imorru kontra r-rieda tan-nies tal-lokalità. Min ikun f’sensih ma jkunx irid pompa tal-petrol fi ġnien. Malta żgħira u m’għandniex kobor. Il-bini ta’ din il-pompa se jkun żball kbir għax dan huwa l-uniku spazju miftuħ li għandna fil-lokalità,” spjega s-Sindku tal-Gżira.

Huwa qal li diġà kien żball enormi li l-pompa tal-fjuwil kienet saret mal-baħar. Borg Manchè qal li, “żball ta’ 60 sena ilu ma tgħallimniex minnu u se nagħmlu żball akbar jekk tinbena din il-pompa l-ġdida fit-Triq ix-Xatt u tieħu parti mill-ġnien”.

Il-ħsieb kien li titwessa’ t-triq billi jieħdu parti mill-istadium, parti mill-ġnien, jaqbdu Triq tas-Sliema u eventwalment tingħaqad ma’ Triq Reġjonali. Għal Borg-Manchè dan il-pjan, minnu nnifsu kien ġennata minħabba li skont huwa m’għandux ikun hemm triq prinċipali oħra li taqsam il-lokalità u fil-fatt dan l-iżvilupp ma sarx. L-applikazzjoni orġinali għall-bini ta’ pompa tal-petrol kien affini ta’ dan il-proġett ta’ triq prinċipali u issa li reġgħet tressqet u ġiet approvata, huwa jemmen li “ma jagħmilx sens li tagħmilha ladarba mhux se ssir triq prinċipali”.

Is-Sindku qal li barra l-ħsara ambjentali b’detriment għal dawk li jmorru jgawdu dan il-ġnien u l-fatt li l-bżonn “oriġinali” li tinbena din il-pompa m’għadux jeżisti, hemm il-punt importanti li l-pompi tal-petrol li kien hemm f’żoni urbani, issa ngħataw spazji oħra minħabba li ma jkollhomx impatt qawwi daqs dak li jkollhom fl-urban. 

“Din il-pompa se tittieħed fl-agħar post fl-urban. F’nofs in-nies mhux se tagħmel impatt daqshekk negattiv daqs dik fejn se jittieħed spazju miftuħ għat-tfal,” kompla Borg-Manchè. Huwa spjega kif meta l-ġnien inbena biex jilagħbu fih it-tfal lura fl-1895, il-Gżira kienet għadha vojta u n-nies xorta riedu ġnien bis-siġar għar-rikreazzjoni, aħseb u ara issa li l-popolazzjoni f’din il-lokalità f’qasir żmien telgħet minn 8,000 għal 12,000 resident. Borg-Manchè sostna li l-art fil-lokalità tiegħu hija limitata ħafna fejn fl-2015 biss żdiedu 700 units, jiġifieri bejn wieħed u ieħor madwar 1,400 persuni marru jgħixu fil-Gżira.

Erba’ pompi tal-fjuwil f’600 metru

Is-Sindku tal-Gżira qal li barra dan kollu, wieħed ma jridx jinsa li ftit ‘il bogħod, jiġifieri fi Triq Testa Ferrata, hemm tliet pompi oħra u allura f’żona ta’ 541 metru biss, bil-bini ta’ din il-pompa l-ġdida se jkun hemm erba’ pompi tal-fjuwil. “Dan meta llum il-ġurnata l-pompi tal-fjuwil iridu jkunu minn tal-inqas 500 metru ‘l bogħod minn xulxin. Hekk se jkun hemm erbgħa f’600 metru. X’argument hemm favur għal din il-pompa?” staqsa Borg-Manchè.

Huwa nnota wkoll li hemm diskrepanza ta’ “kemm” kwadraġġ se jittieħed bħala art minn dan il-ġnien jekk tinbena din il-pompa l-ġdida minħabba li mal-Lands tidher 287 m2, mal-AIE tidher 930 m2, mentri l-perit niżżel 660 m2. Għalih dan huwa inkwetanti ferm minnu nnifsu minħabba li jista’ jkun li qegħdin jippruvaw jieħdu aktar art milli suppost mill-ġnien in kwistjoni.

Conrad Borg-Manchè qal li pajjiżna għandu għatx kbir għal żoni miftuħa bis-siġar ta’ rikreazzjoni għall-familji u dan l-iżvilupp huwa insult għar-residenti tal-Gżira li min-naħa tagħhom kienu qegħdin jirranġaw l-istess ġnien biex ikun aħjar għall-gost ta’ kulħadd. 

“Il-komunità tal-Gżira u l-pubbliku Malti għandhom bżonn iddisprat ta’ spazji ħodor miftuħa fl-urban li iktar ma jmur, iktar qiegħed jikber. Uliedna m’għandhom imkien ieħor fejn jilagħbu, il-familji tagħna m’għandhom imkien ieħor fejn jiltaqgħu u ċ-ċittadini anzjani tagħna m’għandhom imkien ieħor fejn jistrieħu. Il-ġnien tal-Gżira huwa l-aħħar oasi li fadal fil-lokalità tagħna li hija fgata u soffokata bil-kostruzzjoni, kummerċjalizzazzjoni u traffiku. L-interess taċ-ċittadini jiġi l-ewwel u qabel kollox,” temm is-Sindku tal-Gżira.

Il-ġbir tal-firem għal din il-petizzjoni se jibqa’ għaddej sal-14 ta’ Novembru.

Share With: