Tingħata l-aħħar tislima lit-tfajla li kienet ilha 12-il sena f’koma

Ritratti: Joe Grech

Aktar kmieni ngħatat l-aħħar tislima lil Marla Grech, fl-għomor ta’ 28 sena, fil-Parroċċa Marija Bambina, Xagħra Għawdex. Għal dawn l-aħħar 12-il sena hija kienet f’koma minħabba inċident tat-traffiku li seħħ fi Triq Ta’ Ħamet, Xagħra, Għawdex fil-lejl bejn id-29 ta’ Frar u l-ewwel ta’ Marzu tas-sena 2008. Marla kienet f’persistant vegatative state u mietet minħabba kumplikazzjonijiet.

Marla kienet passiġġiera f’vettura tat-tip Opel Corsa misjuqa minn Jeoffrey Vella li kien fi triqtu biex iwassalha d-dar. F’ħin minnhom, hekk kif sab l-ewwel liwja f’din it-triq, baqa’ dieħel fil-ħajt tal-ġenb tax-xellug tat-triq, tkaxkar għal ftit miegħu sakemm sab quddiemu arblu tad-dawl u baqa’ dieħel fih.

Konsegwenza ta’ hekk, Marla korriet gravament u sofriet diżabilità permanenti ta’ 100%. Meta seħħ l-inċident, Marla kellha 15-il sena u kienet għadha qed tattendi l-aħħar sena skolastika tagħha bi preparazzjoni għall-eżamijiet tal-O level.

Waqt li kien qed jiġi interrogat mill-Pulizija, Vella qal li waqt li kien tiela’ f’direzzjoni lejn ix-Xagħra, “ġiet vettura oħra mill-faċċata li ma nafx min hi, li kienet ġejja għal fuqi. Pruvajt nafas lejn il-ħajt iżda ħbatt mal-ħajt u wara ġo l-arblu.” 

Quddiem il-Maġistrat Inkwirenti, huwa kompla jelabora li fil-ħin tal-inċident ma kienx qed isuq b’veloċità qawwija imma baxxa u, filwaqt li qal li ma jafx x’kien l-ispeed, sostna li kien għaddej bi speed normali u li għalih kien addatat għal dik it-triq.

L-espert mekkaniku Joseph Zammit, li eżamina l-vettura involuta f’dan l-inċident ikkonkluda li mill-eżamijiet tekniċi fuq il-vettura in kwistjoni biex jistabilixxi t-telf ta’ kontrol tas-sewwieq tagħha, ma kienx jirriżulta li dan it-telfien ta’ kontrol kien ikkaġunat minħabba involviment ta’ xi vettura oħra u lanqas ma kien jirriżulta li l-inċident seħħ minħabba xi ħsara teknika li l-vettura ġarrbet qabel l-inċident.

Wara li l-perit tekniku Angelo Portelli ppreżenta skizz li jindika fejn ħabtet u kif spiċċat imdawra fid-direzzjoni opposta l-vettura tal-konvenut, fil-Qorti ntqal li ma rriżultat ebda evidenza tal-karozza li allegatament invadiet il-karreġġjata tal-konvenut u li t-triq fejn seħħ dan l-inċident hija wiesa biżżejjed li tiflaħ traffiku jgħaddi mingħajr ebda diffikultà fuq iż-żewġ lanes tagħha. Intqal li fl-ebda parti tat-triq ma tħallew traċċi ta’ brake marks li jistgħu jindikaw li s-sewwieq pprova jnaqqas mill-veloċità hekk kif suppost li tfaċċa dan l-ostaklu quddiemu, anzi kollox jindika li l-kaġun tal-inċident in kwistjoni ma kien ħadd ħlief il-konvenut stess li bit-traskuraġini tiegħu baqa’ għaddej bl-istess veloċità meta kien qed javviċina l-liwja li hemm f’din it-triq, bil-konsegwenza li tilef il-kontroll tal-vettura misjuqa minnu.

Il-ġenituri ta’ Marla, Xavier u Celestina Grech, qalu li b’konsegwenza ta’ dak li ġara lil binthom, huma wkoll batew finanzjarjament. Fis-sitt xhur li Marla għamlet rikoverata fl-Intensive Care Unit tal-isptar Mater Dei, missier Marla għamel l-ewwel ħmistax, meta kienet għadha fil-periklu imminenti tal-mewt, kontinwament ħdejn is-sodda tagħha, flimkien ma’ martu. Wara kien jaqsam kuljum bejn Malta u Għawdex biex jinvistaha.

Ħames snin ilu, is-sewwieq Jeffrey Vella nstab ħati li saq b’mod perikoluż u l-Maġistrat Paul Coppini kien ordnah iħallas €394,917 f’danni.

Share With: