Titħabbar il-mewt tal-leġġendarju Nobby Stiles
Nobby Stiles, wieħed mill-eroj tal-Ingilterra li rebħu t-Tazza tad-Dinja 1966, miet il-bieraħ fl-etá ta’ 78 sena wara perjodu twil marid bil-kanċer tal-prostita u dimenzja avvanzata.
Rebbieħ tat-Tazza tal-Ewropa fl-1968 ma’ Manchester United, Stiles se jibqa’ mfakkar għal dejjem għaż-żifna tar-rebħa f’Wembley sentejn qabel, iżomm it-trofew Jules Rimet f’id waħda, u s-snien tat-“Tigra bla Snien” fl-oħra.
“Għadha l-ikbar ħaġa li seħħet lili,” qal Stiles, li lagħab ukoll ma’ Middlesbrough u Preston, fl-2002. “Kulħadd għadu jrid biċċa minnek minħabba fiha. Biex inkun ġust m’inix impenjat daqs uħud minn sħabi l-oħra. Iżda kull fejn immur, dak li għamilt ifisser ħafna għan-nies. Mhux dawk tampari fl-etá, għax tistenniha. Iżda tfal daqs in-neputijiet tiegħi, jiġu għandi u jgħiduli: “Aw, u int dak bla snien li żfint madwar Wembley, hux hekk?’ B’hekk tispiċċa li inti ta’ kulħadd.”
Geoff Hurst, rebbieħ tat-Tazza tad-Dinja bħalu, fisser lil Stiles bħala “il-qalb u r-ruħ tat-team”. Hurst u Stiles bdew jilagħbu flimkien mal-Ingilterra Under-17 u fl-ewwel logħba ta’ Hurst mat-team nazzjonali, Stiles kien anke sab ix-xibka.
Stiles, li twieled f’Manchester, sar is-seba’ player tat-team tal-1966 li ħalla din id-dinja wara Bobby Moore, Alan Ball, Ray Wilson, Gordon Banks, Martin Peters u Jack Charlton.
Huwa lagħab 28 darba mal-Ingilterra u mal-United rebaħ ukoll żewġ kampjonati f’karriera ta’ 11-il sena li ratu jilbes il-flokk tar-Red Devils kważi 400 darba.
Huwa kien miżżewwġ lil oħt Johhny Giles li kien kollega tiegħu f’Old Trafford u kellhom tliet itfal.