“Trid gazz politiku biex tagħmel it-tibdil li qed nagħmlu fil-liġi” – Edward Zammit Lewis

Il-Ministru għall-Ġustizzja, Ugwaljanza u Governanza Edward Zammit Lewis iddikjara fil-Parlament li jrid ikollok il-“gazz politiku” biex tagħmel it-tibdil sinifikanti li qed jagħmel dan il-Gvern b’rabta mal-liġijiet relatati mas-saltna tad-dritt.

Huwa stqarr dan fil-bidu tad-diskussjoni fuq l-Abbozz ta’ Liġi dwar ir-Riforma tas-Setgħat tal-Ħatra li jaħseb biex jagħti iktar poter lill-Kabinett jiġifieri l-ministri u s-segretarji parlamentari.

Dan l-abbozz jemenda l-liġijiet li jirregolaw il-Bank Ċentrali, l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji, l-Arbitraġġ kif koll il-Protezzjoni u l-Privatezza tad-Data billi jobbliga lill-Prim Ministru jisma lill-Kabinett qabel jagħti l-pariri tiegħu dwar ħatriet fihom meta sal-lum m’għandux dan l-obbligu.

Zammit Lewis spjega kif dan l-abbozz huwa wieħed mill-10 li ħejja l-Gvern wara negozjati mal-Kummissjoni Venezja li minnhom diġà ġew approvati mill-Parlament sitt.

Huwa iddikjara li ma jaqbilx mal-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech meta dan qal li Malta m’għadditx mill-eżami tal-Kummissjoni Venezja imma għamlet tentattiv tajjeb.

Waqt li għamilha ċara li ma jaqbilx mal-Kummissjoni Venezja li l-Gvern għaġġel biex iressaq dawn l-emendi u qal li ħafna mir-riformi misshom ilu li saru, Zammit Lewis sostna li din hija liġi li twassal għal iktar qsim fid-deċiżjonijiet li qed jieħu l-Prim Ministru Robert Abela.

Il-ministru responsabbli mill-ġustizzja irrefera wkoll għar-riforma kostituzzjonali u wiegħed li l-Gvern se jagħti r-riżorsi kollha meħtieġa biex din tkun tista’ issir.

Share With: