Under 21: Il-Maltin iċedu fl-aħħar

Minn Cris Muscat – ritratt: Domnic Borg

Malta …………..1

Danimarka…..3

Wirja qalbiena speċjalment fit-tieni taqsima ma kinitx biżżejjed għat-team nazzjonali Malti ta’ Taħt il-21 sena hekk kif safa megħlub mid-Danimarka bl-iskor ta’ 3-1, liema partita kienet valida mill-Kampjonat Ewropew.

Kienu l-Maltin li fetħu l-iskor iżda lejn it-tmiem id-Daniżi dawru r-riżultat favur tagħhom.

Mal-kwarta logħob waslet l-ewwel azzjoni denja ta’ nota min-naħa tad-Daniżi meta x-xutt ta’ Nikolai Laursen ġie salvat minn Timmy Aquilina, bl-istess player jerġa’ jimpenja lill-istess goalkeeper, fil-21 minuta.

Id-Danimarka komplew jamministraw u sitt minuti wara, daqqa ta’ ras ta’ Frederik Alves Ibsen ġiet salvata għal darb’oħra minn Aquilina.

Fit-32 minuta, minn azzjoni ta’ corner, Magnus Andersen, xeħet cross perikoluż fejn Victor Nelsson kellu d-daqqa ta’ ras minn taħt il-lasti tiġi salvata bi bravura mill-goalkeeper Malti.

Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, il-Maltin ħarġu aktar avventurużi u dehru aktar organizzati … u  ta’ dan ġew ippremjati hekk kif fetħu l-iskor.

Dan meta fil-51 minuta, Aidan Jake Friggieri għadda lejn AYRTON ATTARD li venven xutt minn barra l-kaxxa li ħasad għal kollox lill-goalkeeper Oliver Christensen.

Id-Daniżi wieġbu fil-65 minuta meta Magnus Ander­sen kellu xutt mid-distanza jiġi salvat b’diffikultá minn Aquilina f’żewġ tentattivi.

Żewġ minuti biss wara huma tilfu ċans tad-deheb li jġibu l-iskor indaqs meta Mikkel Damsgaard indirizza xutt lejn is-saqaf tax-xibka li iżda stampa mal-mimduda, bil-Maltin jeħilsuha ħafif.

B’azzjoni wara l-oħra, fit-68 minuta, l-avversarji rnexxielhom jiskbu l-goal tad-draw  meta Jacob Bruun Larsen serva lil NIKOLAI LAURSEN li kellu x-xutt fil-baxx minn tarf il-kaxxa jintemm fix-xibka.

Wara dan il-goal, id-Daniżi komplew iżidu l-pressjoni fuq id-difiża Maltija li rreżistiet il-furja tal-avversarji … sakemm ċediet fl-84 minuta.

Dan meta MIKKEL DAMSGAARD ħasad lil kulħadd u b’xutt li ma jaħfirx mid-distanza għeleb għal kollox lil Aquilina.

Kollox beda jindika li l-partita kienet se tispiċċa bl-iskor ta’ 2-1 iżda d-Daniżi kellhom ħsibijiet oħra hekk kif fil-ħin miżjud skorjaw it-tielet goal meta x-xutt ta’ Gustav Isaksen ġie salvat parzjalment minn Aquilina, iżda mir-rebound JESPER LINDSTROM tefa’ l-ballun fir-rokna tax-xibka … b’dan il-goal iħalli diżappunt kbir fost il-Maltin.

MALTA: 12-Timmy Aquilina, 3-Darren Borg, 6-Jamie Zerafa (20-Bradley Sciberras 73), 7-Aidan Jake Friggieri (10-Andrea Zammit 89), 11-Alex Satariano, 13-Zachary Grech, 14-Marcus Grima (9-Sebastian Grech 89), 15-David Xuereb, 18-Gary Camilleri, 19-Mathaew Ellul, 21-Ayrton Attard   – Coach: Silvio Vella

DANIMARKA: 1-Oliver Christensen, 2-Rasmus Bjerregaard Carstensen (15-Jesper Lindstrom 59), 3-Frederick Alves Ibsen, 5-Victor Nelsson, 7-Nikolai Laursen, 10-Jacob Bruun Larsen, 11-Mikkel Damsgaard (14-Morten Hjulman 90), 17-Mohamed Daramy (6-Gustav Isaksen 80), 18-Lukas Kitten (8-Nikolas Nartey 58), 20-Magnus Kofod Andersen, 21-Carlo Hoise (9-Emil Riis Jakobsen 60) – Coach: Albert Herms

REFEREE: Aristotelis Diamantopoulos (Greċja)

ASS. REFEREES: Reinhard Buxbaum, Konstantinos Psarris (Greċja)

RABA’ UFF: Evangelos Manouchos (Greċja)

SKORERS: A. Attard 51 (M); N. Laursen 68, M. Damsgaard 84, J. Lindstrom 93 (D)

AMMONITI: C. Hoise (D), J. Zerafa, T. Aquilina, S. Grech (M)

Share With: