UNL: Malta fi draw ta’ mingħajr goals kontra Andorra
Ritratt: Dominic Aquilina
Andorra ……0
Malta ……….0
F’partita bilanċjata valida mill-UEFA Nations League, barra minn darna Malta spiċċat fi draw ta’ 0-0 kontra Andorra … biex dan kien it-tielet draw minn daqstant partiti fil-konfronti diretti bit-tnejn l-oħra jispiċċaw bl-iskor ta’ 1-1.
Mill-aħħar logħba li fiha l-Maltin għelbu lill-Ġibiltá 2-0, nhar l-Erbgħa li għadda, il-coach, Devis Mangia, għamel xejn inqas disa’ bidliet fejn Ryan Camenzuli u Andrei Agius biss kienu fil- formazzjoni inizjali.
L-ewwel taqsima kienet waħda bilanċjata fejn iż-żewġ goalkeepers rari ġew impenjati.
Filwaqt li Andorra ffollaw nofs il-ground, il-Maltin għażlu li jattakkaw permezz taż-żewġ faxex laterali bl-overlappings ta’ Ryan Camenzuli u Joseph Mbong li f’bosta drabi ħolqu paniku fid-difiża avversarja.
Fit-tieni taqsima, Andorra baqgħu jaddattaw l-istess tattika … dik distruttiva aktar milli kostruttiva … bl-objettiv tagħhom ikun li ma jsofrux il-goal.
Min-naħa tal-Maltin, ippruvaw jiftħu pressjoni iżda quddiemhom sabu ħajt uman li għalaq kull spazju neċessarju biex il-goalkeeper avversarju beda jiġbor il-ballun mingħajr l-ebda periklu.
Id-difiża Maltija dehret ixxamplata tikkontrolla l-furja dgħajfa ta’ Andorra iżda kien irritanti l-fatt li bdew jilagħbu l-ballun fuq wara u jħabbtu ma’ Bonello li seta’ sewa detrimentali.
L-ewwel azzjoni denja waslet fit-tmien minuta meta Camenzuli xeħet cross insidjuż fil-kaxxa avversarja u minn pożizzjoni ideali d-daqqa ta’ ras ta’ Luke Gambin spiċċat ftit għoli.
Ir-reazzjoni ta’ Andorra kienet waħda mmedjata fejn kien Joseph Mbong li biegħed il-periklu minn azzjoni ta’ corner. Il-Maltin irreċiprokaw b’corner ieħor fejn Andrei Agius ma rnexxielux jikkonnettja mal-ballun biex seta’ anke fetaħ l-iskor.
Imbagħad il-logħob kien staġnat f’nofs il-ground hekk kif iż-żewġ difiżi annullaw lill-attakkanti rispettivi … sakemm fl-24 minuta, Paul Mbong indirizza xutt minn barra l-kaxxa li l-goalkeeper Josep Gomes laqa’ parzjalment, b’Jurgen Degabriele joħroġ għar-rebound iżda kien senjalat f’pożizzjoni ta’ offside.
Fl-34 minuta, Degabriele ma laħaqx fil-ħin mill-cross ta’ Camenzuli li ddistingwa lilu nnifsu anke fid- difiża.
Fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima ħlisniha ħafif meta l-volley ta’ Alex Martinez għadda jħakkek mal-mimduda b’Henry Bonello megħlub għal kollox.
Ħames minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima, indeċiżjoni bejn Bonello u Steve Pisani ppreżentat lil Cristian Martinez b’opportunitá tad-deheb li jiftaħ l-iskor … iżda b’xorti tajba quddiem lasti vojta falla l-mira.
Sal-84 minuta, ma rajna l-ebda azzjoni perikoluża iżda mill-free-kick ta’ Jake Grech, Martinez kien għoddu kkommetta auto-goal f’tettattiv li jikklerja meta laqat ħażin il-ballun.
ANDORRA: 1-Josep Gomes, 2- Cristian Martinez (21-Marc Garcia 86), 3-Marc Vales, 5-Emil Garcia, 7-Marc Pujol, 8-Marcio Vieira, 9-Aaron Sanchez (19-Luigi San Nicolas 85), 14-Ricard Fernandez (10-Jordi Alaez 70), 16-Alex Martinez (22-Victor Bernat 94), 17-Joan Cervos, 23-Jordi Rubio – Coach: Koldo Alvarez
MALTA: 1-Henry Bonello, 3-Ryan Camenzuli, 4-Steve Borg, 5-Andrei Agius, 7-Joseph Mbong, 10-Steve Pisani (14-Bjorn Kristensen 79), 17-Teddy Teuma, 18-Jurgen Degabriele (9-Luke Montebello 61), 19-Paul Mbong (8-Jake Grech 79), 20-Luke Gambin, 22-Zach Muscat – Coach: Devis Mangia
REFEREE: Alain Durieux (Lussemburgu)
ASS. REFEREES: Gilles Francois Becker, Joaquim Da Silva (Lussemburgu)
RABA’ UFF.: Ricardo Morais (Lussemburgu)
AMMONITI: C. Martinez, M. Vales, J. Cervos (A); S. Borg (M)