Waterpolo: San Ġiljan champions għall-11-il darba

Ritratt: Domnic Borg

Neptunes………..8

San Ġiljan……….9

(2-3, 2-3, 1-1, 3-2)

Fit-tieni play-off tal-finali, San Ġiljan għelbu lil Neptunes bl-iskor ristrett ta’ 9-8, biex ġew inkurunati champions għall-11-il darba fl-istorja tal-club wara li rebħu l-ewwel play-off bl-iskor ta’ 11-5 u għaldaqstant ma kien jinħtieġ li tintlagħab it-tielet waħda.

Dan kien staġun mill-aqwa għall-Ġiljaniżi minħabba li rebħu l-logħbiet kollha … bħal ma għamlu tliet staġuni ilu.

Dan kien ukoll tragward uniku għall-coach, Dorian Pisani, li rebaħ it-titlu wara li fl-istaġun li għadda kiseb id-double fl-Ewwel Diviżjoni bir-rebħ tal-kampjonat u n-Knock-out ma’ Marsaskala.

Kollox ma’ kollox, din tista’ titqies bħala l-aktar partita emozzjonanti tal-istaġun b’Neptunes joffru oppożizzjoni denja mill-bidu sat-tmiem tal-partita.

Għall-Ġiljaniżi l-aqwa skorers kienu Dino Zammit u Andreas Galea bi tliet goals filwaqt li għal Neptunes, impressjona s-solitu Stevie Camilleri li wkoll irnexxielu jirreġistra hat-trick.

San Ġiljan rebħu l-ewwel sessjoni bl-iskor ta’ 3-2, bil-goals jaslu minn Dino Zammit minn penalty, Andreas Galea, u Dino Zammit minn man-up wara li tkeċċa Jake Muscat. Min-naħa l-oħra, Stevie Camilleri, darbtejn minn man-up, wara t-tkeċċijiet t’’ Paul Fava u Andreas Galea.

Fit-tieni sessjoni, il-Ġiljaniżi ttrijonfaw bl-istess skor ta’ dik preċedenti, jiġifieri 3-2, bl-awturi tal-goals ikunu Dino Zammit, Andreas Galea minn man-up wara li tkeċċa James Spiteri Staines,. u l-captain Matthew Zammit.

Min-naħa l-oħra, Jeremy Abela minn man-up meta tkeċċa Paul Fava għat-tieni darba, u Gabriel Pace, ukoll minn sitwazzjoni ta’ man-up, meta din id-darba tkeċċa Marco Mannino, niżżlu isimhom fil-lista tal-iskorers għal Neptunes.

Ta’ nota huwa l-fatt li f’din is-sessjoni, dawn tal-aħħar spiċċaw mingħajr il-player żagħżugħ ta’ talent Jake Muscat hekk kif safa fouled out wara li sofra tliet tkeċċijiet personali, liema player inħass ferm fil-partita.

Fit-tielet sessjoni rrenja bilanċ assolut hekk kif din intemmet fi draw ta’ 1-1, b’Ben Plumpton jiskorja għall-Ġiljaniżi filwaqt li Jordan Camilleri jwieġeb għal Neptunes.

Neptunes rebħu l-aħħar sessjoni bl-iskor ta’ 3-2, iżda xorta dan ma kienx biżżejjed għalihom biex almenu jisfurzaw l-għoti tal-penalties. Għalihom, irnexxielhom isibu x-xibka, Gabriel Pace minn man-up wara li tkeċċa Darren Zammit, Sam Gialanze u Stevie Camilleri, bl-istess player ifalli penalty ftit sekondi qabel hekk kif il-goalkeeper tal-Ġiljaniżi Jake Tanti salva bi bravura. Min-naħa l-oħra, għall-Ġiljaniżi irnexxielhom isibu x-xibka, Andreas Galea u Ben Plumpton minn man-up wara li tkeċċa Jordan Camilleri.  

Neptunes: 1-Alan Borg Cole, 2-Jake Muscat, 3-Luke Calleja, 4-Gabriel Pace (2), 5-Sebi Busuttil, 6-James Spiteri Staines, 7-Stevie Camilleri (3), 8-Jordan Camilleri (1), 9-Jeremy Abela (1), 11-Sebi Stellini, 12-Sam Gialanze (1), 13-Benji Busuttil Coach: Jovan Popovic

San Ġiljan: 1-Jake Tanti, 2-Keith Tanti, 3-Andreas Galea (3), 4-Ben Grech, 5-Marco Mannino, 6-Matthew Zammit (1), 7-Ben Plumpton (2), 8-Jake Bonavia, 9-Zach Micallef, 10-Darren Zammit, 11-Paul Fava, 12-Dino Zammit (3), 13-Gareth Vassallo, 14-Mattias Ortoleva Coach: Dorian Pisani

Referees: Ronnie Spiteri, Mario Dalli

Share With: