“Xi darba tmiss lill-Papa u llum misset lili”

Melanie Abela hija miraklu miexi wara battalja għal ħajjitha minħabba tumur kbir f’rasha…

Minn Carmen Cachia

Fl-ewwel anniversarju mindu għamlet operazzjoni delikata biex tneħħi tumur kbir f’rasha, Melanie Abela, titkellem ma’ L-ORIZZONT dwar dak li għaddiet minnu f’din l-isfida kbira mhux mistennija f’ħajjitha. L-aħbar li mil-lum għal għada saret taf li tista’ tmut minħabba “massa” kbira li trabbiet f’rasha u ħadet post parti minn moħħha, ixxokjat mhux lilha biss, imma anke lil dawk ta’ madwarha. Sena wara li għamlet disa’ sigħat taħt is-sikkina f’sala tal-operazzjonijiet f’Mater Dei, Melanie tisħaq li tippreferi lil Melanie tal-lum milli dik ta’ sena ilu u dan sempliċiment għax b’din l-esperjenza tgħallmet tgħix ġurnata b’ġurnata u saret tapprezza sal-inqas affarijiet fil-ħajja.

“Huwa tajjeb għalija u anke għall-ħaddieħor li nitkellem minn dak li għaddejt. Huwa minnu li għamilt kuraġġ lil ħaddieħor bil-ġrajja tiegħi, imma rċevejt il-kuraġġ jien ukoll lura. Erġajt tellgħejt dan il-post sena wara biex għal darb’oħra noħroġ din it-trawma minn ġo fija,” bdiet tgħidilna Melanie.

L-esperjenza li għaddiet minnha s-sena l-oħra kienet waħda serja li ħadd, la hija u lanqas l-għeżież tagħha, ma kienu ppreparati għaliha. Hija qaltilna li ħajjitha nqalbet ta’ taħt fuq f’lejl partikolari meta qamet b’uġigħ tremend f’rasha. Ir-raġel tagħha, Carmelo, kien imsiefer u bl-uġigħ Melanie qamet tippassiġġa. Ftit wara qam it-tifel tagħha li meta raha f’dak l-istat, inkwieta u ċempel lit-tabiba tal-familja. L-għada filgħodu Melanie ġiet inviżtata mit-tabiba fejn mill-ewwel testijiet ma nstab xejn ta’ barra minn hawn. 

“Inħossni ixxurtjata u kieku ma kienx it-tifel li ċempel, ma nafx fejn qiegħda u x’jien nagħmel. L-uġigħ li kelli dakinhar ma kienx migranja. Żgur u ma kienx se jmur b’żewġ pilloli u bżajt li se nitlef ħajti għax ħassejt qisha splużjoni kbira f’rasi,” kompliet Melanie. 

It-tabiba, imħassba dwar l-uġigħ ta’ ras qawwija li kienet qiegħda tesperjenza l-pazjenta tagħha, ħaditha l-isptar ġenerali għal CT Scan fejn irriżulta li kellha tumur kbir ħafna f’rasha. “Jien qatt ma ħassejt xejn u fil-fatt it-tabiba kienet aktar ixxokjata minni għax qatt ma kien hemm sintomi għal tumur ta’ dak id-daqs,” kompliet din il-mara. Din l-aħbar kienet xokk kbir għax it-tumur kien “qattiel” sieket bla sintomi. 

Melanie tistqarr li qabel kienu jgħaddulha ħafna affarijiet minn moħħha fosthom il-kanċer tas-sider. Dan minħabba li dan it-tip ta’ kanċer huwa aktar komuni, tant li kienet taħseb li jista’ jkun li xi ħadd minn tal-familja kien xi darba se jmissu. Hija qisha kienet aktar lesta għal dik l-aħbar milli dik ta’ tumur fir-ras anke minħabba l-fatt li dan tal-aħħar, qatt ma kienet semgħet dwaru. 

It-tumur tant kien kbir li l-moħħ mexa fuq naħa waħda…

Meta tħares lura Melanie tgħid li huwa minnu li kienet tħoss għejja inspjegabbli, monotonija u dwejjaq, iżda minħabba l-età u l-ħajja li ngħixu, dejjem kellha speċi ta’ “skuża” għal dak li kienet tħoss. Kien għalhekk li hija qatt ma ssuspettat f’affarijiet serji, aktar u aktar li kellha tumur kbir f’rasha. Fil-fatt, issa, dik l-għejja li tant kienet tbati minnha qabel, marritilha.

Hija ma kinitx taf meta t-tumur li kellha beda jikber u kemm dam biex trabba sad-daqs li sabuh. Tgħid li m’huwiex tat-tip ġenetiku u lanqas jafu minn x’hiex ġie. Dakinhar li skoprewh, it-tabiba qaltilha li, ‘kibret xi ħaġa li mhux suppost tikber’ u li kellha tagħmel operazzjoni kemm jista’ jkun malajr. Fil-fatt Melanie ddaħlet għas-CT scan it-Tnejn u l-Ġimgħa, jiġifieri ftit jiem wara, ġiet operata. 

“Jien aċċettajt is-sitwazzjoni u dik kienet parti mit-terapija. Jgħidulek x’jgħidulek, għandek u x’m’għandekx, trid taċċetta. Jekk ma taċċettahiex, m’intix se timxi ‘l quddiem,” wissiet Melanie. L-ewwel pass għaliha kien li fehmet li jekk ma tagħmilx l-operazzjoni, tista’ tmut u t-tieni li l-operazzjoni nnfisha hija ta’ periklu bħal kull operazzjoni oħra u li fil-każ tagħha, ir-riskju kien akbar minħabba li kien viċin il-moħħ.

“Bid-determinazzjoni tiegħi għamiltilhom kuraġġ…”

L-akbar problema għal Melanie kienet biex issib l-aħjar mod kif tgħaddi din l-aħbar iebsa lil dawk ta’ madwarha. Ir-raġel tagħha kien ġej mis-safar u t-tfal kellhom 17 u 21 sena. “Irrid nipprepara lilhom u lili nnifsi. Meta jkollok il-familja, dik hija biċċa wġigħ ta’ ras oħra. Però, meta rawni determinata għamlu l-kuraġġ huma wkoll. Dan il-kuraġġ kellhom bżonnu għax huma wkoll għaddew minn trawma,” spjegatilna Melanie. 

Lilha ma kienux qalulha eżatt kif tista’ tqum mill-operazzjoni imma wara ftit taż-żmien, saret taf li t-tobba avviċinaw lil żewġha. B’operazzjoni bħal din u twila disa’ sigħat, jista’ jkun hemm ħafna konsegwenzi fosthom li tista’ tqum ma titkellimx jew tispiċċa bla forza fl-idejn. Melanie qalet li wara l-operazzjoni, moħħha ħassitu “vojt” imma fortunatament, ftit sigħat wara l-operazzjoni, bdiet titkellem u ħassitha tajba. 

Ras Melanie kienet ċatta fuq in-naħa fejn kien hemm it-tumur u b’daħka tgħidilna kif, “kont qisni ta’ Tom & Jerry bħal meta jaqla’ daqqa ta’ taġen fuq rasu. Hekk bdejt inħossni u ovvjament bdejt ninkwieta kif se jarawni hekk. Għall-ewwel, ħassejt għafsa ta’ qalb u xokk,” kompliet l-eks pazjenta. 

Hija qalet li bħala parti mill-proċess ta’ aċċettazzjoni, hija ddeċidiet li tibdel l-istil ta’ xagħarha billi tqassru minħabba li seta’ jkun hemm il-ħtieġa li tqaxxru għall-operazzjoni. “Meta mort biex naqta’ xagħri l-istilista tax-xagħar staqsietni ‘għala’. Ħriġt fuq il-midja soċjali u l-ewwel ħaġa li ktibt kienet li ‘xi darba tmiss lil Papa u llum misset lili’. B’dan il-mod ilħaqt lil ħafna nies u ppreparajthom. B’dan il-mod in-nies laqgħetni aktar,” spjegat Melanie.

Kont determinata li nagħmel u neħles l-operazzjoni… jiġri x’jiġri wara

Hija temmen li jekk persuna żżomm kollox mistur fgat ġo fiha, aktar se tbati. “Immaġina trid iġġorrha waħdek u mmaġina lil dawk ta’ madwarek li jridu jġorruha waħidhom ukoll. X’tista’? Taqla’ talb u għajnuna. Kien għalhekk li wara sena erġajt għamiltha,” sostniet din il-mara.

Il-vjaġġ ikompli…

L-uġigħ tal-operazzjoni ma jmurx f’ħakka t’għajn u ċertu periklu jibqa’ anke snin wara fosthom xi aċċessjoni jew sturdamenti li jitilfuk minn sensik. Melanie kkonfermat li għadha tkun miġugħa u li wiċċha ġieli jintefaħ. Sal-ġurnata tal-lum, għadha ma tistax isserraħ sew fuq l-imħadda n-naħa ta’ rasha fejn għandha l-punti. Minkejja dan, hija tirringrazzja lil Alla għax ma kellhiex komplikazzjonijiet serji wara l-operazzjoni għax seta’ kien effetti negattivi fosthom fit-taħdit, telf mill-viżta, jew is-saħħa tal-idejn, jew inkella tas-saqajn.

Melanie tħoss kanal fejn kien hemm il-punti u jaqbadha l-ħakk, wiċċha għadu iebes u f’xi postijiet hemm nuqqas ta’ sensazzjonijiet. Tgħidilna wkoll li s-smigħ mill-widna fuq dik in-naħa bata ftit ukoll. 

Ftit jiem wara l-operazzjoni sarilha MRI biex jiċċekkjaw li kollox sewwa u jekk tħallewx xi traċċi tat-tumur. Dan it-test jerġa’ jsir wara tliet xhur imbagħad wara sitta fejn eventwalment jibda jsir darba fis-sena. Melanie bħalissa qiegħda fil-fażi li l-MRI isir darba kull sitt xhur.

“Dik qatgħa oħra. Dan minħabba li sakemm tagħmlu, tkun imbeżża’. Bil-weġgħa tkun trid tagħmlu biex tara x’għandek imma meta tidħol f’magna biex tara reġax kiber jew hemmx xi kumplikazzjonijiet, hemmhekk l-emozzjonijiet se jkunu differenti,” stqarret Melanie.

Ħajja taħt lenti differenti

Mit-testijiet jidher li kollox tnaddaf u li wara din l-esperjenza, hija saret persuna aktar pożittiva u tara l-ħajja b’lenti differenti. “Veru trid tgħix il-mument għax bħalissa inti hawn imma ftit minuti oħra ma tafx x’se jiġri. Qabel kien hemm affarijiet li nkwetajt fuqhom ta’ xejn, mentri kien hemm affarijiet oħra madwari li kienu sbieħ u qatt ma nnotajthom,” kompliet tispjega l-mara.

Meta ħarġet mill-isptar hija għamlet “Bucket List” imma kellha tistenna sitt ġimgħat ta’ konvalexxenza fid-dar “bl-għassa” magħha biex jgħinuha fil-bżonnijiet ta’ kuljum. Il-bastun tagħha kienu l-familja u xi ħbieb partikolari li kienu jżuruha, iġibulha l-ikel lest, inaddfulha u jagħmlulha x-xirjiet. Hawnhekk bi tbissima, żiedet tgħid li fl-aħħar ir-raġel tagħha tgħallem jagħmel il-ħwejjeġ. 

“Kulħadd ġibed ħabel wieħed. Veru t-tobba jgħidulek tagħmel xejn imma din kienet weġgħa. Kont niċċekkja jekk nistax imqar inaddaf ftit u kont nipprova nsib affarijiet li nista’ nagħmilhom mingħajr ma nagħmel ħsara. Ġurnata sħiħa fuq is-sufan ma tagħmel xejn, il-ħin huwa twil u l-ħsibijiet jgħaddu,” kompliet Melanie.

Din il-mara tal-familja għandha bħala passatemp ix-xogħol tal-idejn iżda tul dan il-perjodu tistqarr li ma kellhiex paċenzja għalih. Ġimgħatejn wara l-operazzjoni ħasset li tista’ toħroġ barra u l-ewwel ħaġa li għamlet kienet dik li tmur tisma’ quddies. 

Ma kontx nistaqsi lil Alla għaliex jien, imma kemm se jagħtini aktar

“Niftakar li kelli l-faxxa u l-maktur ma’ rasi. Wiċċi kien minfuħ ukoll imma ridt nuri li għadni hawn u li għadni fuq saqajja. Ladarba n-nies jarawk, jagħmlu kuraġġ huma wkoll”.  Bil-mod il-mod Melanie bdiet tagħmel affarijiet oħra fosthom sewqan limitat. Mistoqsija x’kienet l-aktar ħaġa li dejqietha f’dan il-perjodu, bla dubju rrispondiet li l-limitazzjonijiet u l-għejja kienu fost l-affarijiet li sabet diffiċli ħafna.

Il-mewt ta’ ommha kien xokk ieħor

Is-sigriet ta’ Melanie huwa li aċċettat is-sitwazzjoni u fdat ħafna f’Alla fejn qalet li, “ma kontx nistaqiH għaliex jien, imma kemm se tagħtini aktar”. Ftit wara l-operazzjoni, eżattament fis-27 ta’ Novembru, ġiet nieqsa ommha u f’dak il-jum Melanie kellha tmur għal MRI. Ommha kienet ilha 20 ġurnata agunija imma l-istaff mediku u l-qraba qalulha biex tmur tagħmel l-eżaminazzjoni. Tistqarr li din ma kinitx deċiżjoni faċli u li eżatt kif irritornat minnu, ommha mietet. Dan kien xokk ieħor għaliha.

“Għaddejt minn ħafna u min jaf x’fadlilna. Il-mewta ta’ ommi ma kienx żmienha. Kont diġà għajjiena u din it-telfa ħassejtha bil-kbir għax konna viċin ħafna ta’ xulxin” qalet Melanie. 

Minn dik il-ġurnata tal-operazzjoni l-unika funeral li marret kien ta’ l-għażiża ommha imma tgħid li għalissa għadha mhix lesta li tattendi oħrajn għax ma tistax tara dwejjaq.

Fl-aħħar mill-aħħar għal Melanie t-tumur f’rasha kien sitwazzjoni tip ta’ lotterija u meta tħares lejn Melanie ta’ qabel u Melanie t’issa, tistqarr li tippreferi lil Melanie ta’ issa għax saret tagħraf il-ħajja aħjar, b’mod pożittiv, b’mod aktar kalm u tagħrbel aktar l-affarijiet. Il-messaġġ tagħha huwa li għandna ngħixu u ngħożżu l-mument u dan anke jekk persuna tkun qiegħda f’sodda għax li tkun għadek ħajja u b’għajnejk miftuħa, importanti li tifhem li dak il-mument ma tistax iġġibu lura. 

Share With: