Xufiera tat-‘taxis’ jersqu lejn il-GWU biex jiġu mħarsa d-drittijiet tagħhom

Minn Claudio Coleiro

Diversi xufiera tat-taxis li jagħtu s-servizz tagħhom bl-użu ta’ app resqu lejn il-General Workers’ Union biex din tħares id-drittijiet tagħhom.

Permezz tal-app, il-kumpanija toffri ħlas biex persuna li jkollha bżonn taqbad taxi tkun tista’ tagħmel dan b’mod faċli minn fuq il-mobile tagħha. 

Din is-sistema teknoloġika rajnieha tintuża ħafna anke f’dan iż-żmien tal-Covid, mhux biss fejn jidħol servizz ta’ taxis imma wkoll biex jitwassal l-ikel.

Uħud mix-xufiera tat-taxis li tkellmu ma’ Inewsmalta saħqu li jridu aktar drittijiet billi jinsabu f’sitwazzjoni fejn lanqas biss jafu min hu l-employer tagħhom u wisq anqas huma marbuta b’kuntratt tax-xogħol.

Xufier partikolari qalilna li huwa interessa ruħu f’dan ix-xogħol ftit tas-snin ilu meta ddeċieda li jiftaħ negozju għal rasu u jinvesti f’karozza ġdida kif ukoll f’garaxx.

“Kont tkellimt ma’ ħabib tiegħi u qalli li kien hemm profitt tajjeb jekk nidħol f’dan ix-xogħol. Rajt li jekk ninvesti €35,000 f’karozza u garaxx jaf irendili aktar. Imbagħad iddeċidejt li nibda negozju zgħir, self employed.

“L-ewwel sena kienet tajba. Imbagħad kont inqum filgħodu, niftaħ l-app u nsib li l-prezz pereżempju minn €1.20 kull kilometru naqas għal €1 kull kilometru. Imbagħad erġajna l-istess storja. Il-prezz kompla jonqos għal €0.75ċ kull kilometru.”

“Waqt li l-profitt tagħna baqa’ dejjem jittiekel, dak tal-pjattaforma li nuża baqa’ l-istess u ma nbidel qatt. Huma jgħidulna li dan qed isir għax l-ekonomija sejra ħażin,” qal l-istess xufier. 

Mistoqsi dwar il-fatt li ma jafx min qed jimpjegah, huwa qal li: “tħossok bejn sema’ u ilma. Lanqas hemm kuntratt iffirmat. Kwalunkwe deċiżjoni jiħduha huma. Jekk jiddeċiedu li jbaxxu l-prezzijiet, jistgħu jagħmlu dan.” 

Il-fatt li dawn ix-xufiera m’għandhomx kuntratt, qed iġġibhom ukoll f’sitwazzjoni li f’każ ta’ lmenti kontrihom, jista’ jitwaqqfilhom l-app bil-konsegwenza li jispiċċaw mingħajr xogħol. Barra minn hekk, billi huma self-employed, mhumiex intitolati għal leave, sick leave, bonuses jew kwalunkwe benefiċċji oħra li jgawdu minnhom ħaddiema oħrajn. 

“Aħna ersaqna lejn il-GWU biex dawn l-inġustizzji jinqatgħu. Id-deċiżjonijiet qed jittieħdu mingħajr ebda konsultazzjoni. Iż-żmien li qed ngħixu fih tal-Covid huwa l-agħar żmien, u ma jistax ikun agħar minn hekk,” temm jgħid ix-xufier. 

Il-GWU ilha ħafna tisħaq biex dawn il-forom ġodda ta’ impjiegi, li anke f’pajjiżna qed isiru popolari, ikollhom l-istess kundizzjonijiet bażiċi daqs impjiegi oħra, inkluż id-dritt tal-assoċjazzjoni. Huwa għalhekk importanti li dawn l-individwi jkunu msieħba f’unjin biex jingħataw vuċi dwar dak kollu li qed isir u biex eventwalment il-kundizzjonijiet tagħhom jiġu mħarsa.

Share With: