“Żagħżugħ ħabrieki u ta’ qalb kbira” jingħata l-aħħar tislima

Ritratti: Roger Azzopardi

Edukat, ġentili, ħabrieki, ta’ qalb kbira u student eżemplari. Hekk ġie deskritt iż-żagħżugħ Larkin Camilleri, li din il-ġimgħa ngħatat l-aħbar li sfortunatament miet b’marda fl-età ta’ 23 sena. Bosta ħbieb, familjari u kollegi sellmu l-memorja ta’ Larkin li qalu li kien tassew anġlu u żagħżugħ sabiħ li kien maħbub minn dawk kollha ta’ madwaru. Huwa kien ukoll deskritt bħala ‘fighter’, li jiġġieled u ma jaqtax qalbu, sal-aħħar mumenti ta’ ħajtu, tant li anke fil-kamra tiegħu kien kiteb messaġġ biex jarah, ‘keep fighting’ (ibqa’ iġġieled). “Sfortunatament il-ġurnata waslet, kmieni wisq. Issa tista’ tistrieħ fil-paċi u daqshekk tbatija,” qalet persuna qrib ta’ Larkin.

Ħuh Fabian Camilleri qal li jinsab b’qalbu maqsuma u filwaqt li qal li jħobbu b’qalbu kollha, żied jgħidlu biex jibqa’ jitbissem bħalma dejjem għamel. Miegħu ngħaqad ukoll ħuħ Justin Camilleri li stqarr li kien hemm f’dik il-ġurnata meta kiteb il-messaġġ ‘keep fighting’ fuq biċċa karta u żied jgħid li proprju hekk għamel ħuh.

Il-kuġina ta’ Larkin, Mariah Mifsud Bonnici, sellmet il-memorja tiegħu u rrimarkat li twieldu tmien ġranet ‘il bogħod biss minn xulxin u li kienu jaħsbuhom tewmin. Hija qalet li kien tifel ferrieħi, ġuvni tar-rispett u jgħin lil kulħadd fil-vera sens tal-kelma. Fuq il-profil tagħha tal-midja soċjali, hija fakkret dik id-darba li telgħu għall-ewwel darba Paceville flimkien u kien irringrazzjaha għax vera kien ħa pjaċir. Hija qalet li kienet ħasra li ġimgħatejn wara kellu jitlaq l-Ingilterra.

Ħabib ta’ Larkin qal li jaf li l-ġenna hija post sabiħ għax issa għandhom lil ħabib tiegħu Larkin. Huwa ddeskrivih bħala kollega b’qalb tad-deheb li għallmu li tkun xi tkun is-sitwazzjoni li tkun qiegħed tgħaddi minnha fil-ħajja, dejjem hemm raġuni biex tiġġieled u tkun pożittiv. “Se nimmisjawk, ħabib tal-Inter” 

Larkin kien iħobb ħafna lill-Inter, tant li missieru, Emanuel Camilleri, tella’ ritratt ta’ Larkin fuq il-profil tiegħu ta’ Facebook liebes il-flokk tal-Inter u qal li dak huwa l-flokk li huwa liebes fit-triq tiegħu lejn il-ġenna, flokk li xtara fi Frar li għadda meta mar jara d-derby. 

Persuna li kienet ilha taf lil Larkin għal dawn l-aħħar sitt snin ukoll stqarret li tinsab ixxukjata li sfortunatament Larkin kellu jħalli din id-dinja f’età tant żgħira. “Kemm konna naqbdu ma’ xulxin l-iskola imma xorta kelli dak ir-rispett kbir għalik u għad għandi. Int kont dejjem hemm biex tgħinni fi kwalunkwe sitwazzjoni għaliex int kont dak it-tip ta’ persuna li tieħu ħsieb u li tħobb. Onestament ma nistax ninsal l-memorji kollha li kellna flimkien għaliex hemm ħafna u naf biċ-ċert li mhux se ninsiehom għaliex se jibqgħu f’qalbi. Grazzi tal-ħbiberija sinċiera u grazzi tat-tbissim kollu li qsamt anke matul l-agħar żminijiet tiegħek,” kitbet b’emozzjoni ħabiba ta’ Larkin.

Anke l-kollegi tiegħu minn APS Bank sellmu l-memorja tiegħu fejn ftakruh bħala żagħżugħ pożittiv, b’passjoni, dedikazzjoni, bi tbissima u li dejjem kien hemm biex jagħti sapport lill-kollegi tiegħu.

Aktar kmieni dalgħodu Larkin ngħata l-aħħar tislima fil-Knisja ta’ Ħal Lija. Ħuh Justin Camilleri qal li minħabba r-restrizzjonijiet marbuta mal-imxija tal-Covid-19, li jfisser li hemm numru limitat ta’ kemm persuni setgħu jidħlu ġewwa l-knisja, ġewwa tħallew jattendu biss l-membri tal-familja tiegħu.

Share With: