“Zakk għex ħajja sabiħa, ferrieħa u mimlija”

Tingħata l-aħħar tislima lill-ġuvni Zakk Ellul Bonnici

“Zakk għex ħajja sabiħa, ferrieħa u mimlija. Wara tant vjaġġi madwar id-dinja, illum itemm l-ikbar u l-aħħar vjaġġ tal-ħajja tiegħu.”

Hekk qal l-Arċipriet ta’ Raħal Ġdid Dun Marc Andre Camilleri waqt il-quddiesa hekk kif ingħatat l-aħħar tislima ġewwa l-Basilika ta’ Kristu Re f’Raħal Ġdid lill-ġuvni ta’ 24 sena, Zakk Ellul Bonici, li fit-28 ta’ Settembru miet f’inċident ġewwa Maastrich fejn kien qed jgħix.

Dun Marc Andre Camilleri qal li żgur li ħadd f’din l-art ma jista’ jħobb l-ulied daqs il-ġenituri tagħhom u żgur li l-uġigħ li jħossu bħalissa ma jistax jitkejjel. “Il-ħajja li tawh il-ġenituri dakinhar tat-twelid tiegħu kellha tintemm ħesrem u minkejja l-qsim il-qalb u l-uġigħ li nħossu, ikollna naċċettaw dan il-fatt kiefer li Zakk m’għadux magħna,” qal Dun Marc Andre Camilleri filwaqt li qal li l-ġenituri ta’ Zakk ma ħasbux biss li jtuh l-aħjar f’dik li hija ħajja u trobbija, imma ta’ nsara tawh id-don tal-fidi.

Wara l-quddies, in-nies li kienu fuq iz-zuntier bdew iċapċpu bħala sinjal ta’ rispett hekk kif it-tebut abjad ta’ Zakk ħareġ mill-knisja u ġie trasferit fil-karru tal-mejtin.

Kien proprju ftit tal-jiem ilu li omm Zakk, Sharon Ellul Bonici, ħabret li sfortunatament l-iżgħar tifel tagħha ħalla din id-dinja. “Inħobbok u ma nixtieqx inqum għada filgħodu u nkun naf li mintix hawnhekk. Il-ħajja mhux se tkun l-istess. Parti minni mietet miegħek illum,” kitbet l-omm filwaqt li f’post ieħor qalet li Zakk ta tant imħabba lil kulħadd u qatt ma argumenta ma ħadd, u lkoll jaqblu li huwa kien tassew anġlu.

Share With: