Żewġ persuni aggrediti u misruqa fil-Ħamrun

Żewġt irġiel ta’ nazzjonalità barranija qegħdin jinżammu arrestati, wara li matul il-lejl illi għadda allegatament aggredew u serqu żewġ persuni fil-Ħamrun. 

Kienu għall-ħabta tas-2:30 a.m, xħin il-Pulizija tal-Għassa tal- Ħamrun ġew infurmati li hemm bżonn l-assistenza fi Triq Joe Sciberras, il-Ħamrun. 

Il-Pulizija marru mill-ewwel fuq il-post u hemmhekk sabu raġel ta’ 32 sena residenti Tal-Pietà u mara ta’ 37 sena mill-Moldova, fejn qalu li kienu għadhom kemm ġew aggrediti u misruqa minn tliet persuni barranin. L-aggressuri ħarbu minn fuq il-post b’ammont ta’ flus kontanti. 

Fuq il-post marru wkoll il-Pulizija mill-Iskwadra tar-Reati Vjolenti fi ħdan it-Taqsima tar- Reati Maġġuri u Pulizija mir-Rapid Intervention Unit. Minnufih bdiet tfittxija għall-agressuri u ftit wara ġew innutati żewġ persuni suspettużi li kienu jaqblu mad-deskrizzjoni li taw il-vittmi. Iż-żewġt irġiel, li huma mill-Eritrea, ġew arrestati, fejn ittieħdu fil-lock-up tal-Pulizija fil-Furjana fejn qegħdin jinżammu għal aktar stħarriġ. 

Il-mara u r-raġel ittieħdu l-Isptar Mater Dei b’ambulanza għal kura, fejn aktar tard il-mara ġiet iċċertifikata li sofriet minn ġrieħi gravi filwaqt li r-raġel sofra minn ġrieħi ħfief. 

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija mill-Iskwadra tar-Reati Vjolenti assistiti mill-Pulizija tad- Distrett għadhom għaddejjin. 

Share With: