25 ċenteżmu minn kull biljett standard tal-Gozo Channel matul ix-xahar ta’ Diċembru se jingħataw għall-Istrina

F’konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħabbar li għal matul ix-xahar ta’ Diċembru, il-Gozo Channel se tkun qed tagħti 25 ċenteżmu minn kull biljett standard li jinxtara lill-Malta Community Chestfund Foundation għall-Istrina.

Il-Ministru Camilleri qal li l-Istrina saret sinonima magħna l-Maltin u l-Għawdxin fejn f’dan iż-żmien ta’ kull sena kulħadd jingħaqad sabiex jagħti l-għajnuna tiegħu u dejjem jispikkaw il-valuri u l-qalb tajba tal-poplu tagħna. Żied jgħid li din is-sena se jkun Milied differenti mis-soltu u appella sabiex il-poplu, speċjalment l-Għawdxin, ikunu ġenerużi.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri temm billi faħħar din l-inizjattiva li ħadet il-Gozo Channel għal din il-kawża ġusta u spjega li dan qed isir sabiex inħeġġu aktar lill-poplu Malti u Għawdxi jgħin kemm jista’ lill-Malta Community Chestfund sabiex din tkun tista’ tibqa’ tagħti l-għajnuna lil kull min ikun jeħtieġha.

Preżenti għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm is-Segretarju Permanenti John Borg, iċ-Chairman tal-Gozo Channel Joe Cordina, Stephen Ellul, uffiċjal min-naħa tal-President, u Mark Mizzi min-naħa tal-Malta Community Chestfund Foundation.

In-nollijiet tal-Gozo Channel mhumiex se jiġu affettwati u r-rati regolari se jibqgħu japplikaw.

Ritratt (MGOZ)2 Attachments

Share With: