74 immigranti jegħrqu fil-Mediterran barra mill-kosta Libjana

Nhar il-Ħamis li għadda, l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM) irrappurtat nawfraġju devastanti ieħor fil-Mediterran Ċentrali, li ħasad il-ħajja ta’ mill-inqas 74 immigrant barra mill-kosta ta’ Khums, il-Libja.

L-IOM qalet li r-rapporti indikaw li l-bastiment tal-immigranti kien qed iġorr iktar minn 120 persuna, inklużi nisa u tfal. Sa nhar il-Ħamis, 47 persuna biss ġew salvati u nġiebu max-xatt mill-gwardja tal-kosta Libjan u s-sajjieda.

L-Organizzazzjoni Internazzjonali qalet li dan in-nawfraġju huwa l-aħħar minn sensiela ta’ traġedji reċenti li jinvolvu immigranti fil-Mediterran. L-organizzazzjoni qalet li kien hemm mill-inqas tmien nawfraġji fil-Mediterran Ċentrali mill-bidu ta’ Ottubru.

Nhar it-Tlieta, 13-il immigrant Afrikan inklużi tliet nisa u tifel kienu għerqu f’nawfraġju simili ’l barra mill-kosta Libjana. Skont l-IOM, mill-inqas 900 persuna għerqu fil-Mediterran din is-sena u mill-inqas 20,000 migrant mietu fil-Mediterran mill-2014.

L-IOM qalet li kienet innutat żieda reċenti fin-numru ta’ tluq mix-xtut Libjani, b’aktar minn 780 wasla fl-Italja mill-bidu ta’ Ottubru. Aktar minn 11,000 immigranti ttieħdu lura lejn il-Libja fejn jiffaċċjaw ir-riskju ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem, detenzjoni, abbuż, traffikar u sfruttament.

Share With: