AĠĠORNAT: Mario Galea jkompli bl-attakki fil-konfront tal-Gvern; Jgħid li l-Kummissarju għas-Saħħa Mentali qed “jilgħaq lill-Ministru”

Id-Deputat Nazzjonalista Mario Galea  fl-intervent tiegħu fid-dibattitu dwar l-estimi ġenerali għall-Ministeru għas-Saħħa qal li hi inkwetanti ħafna l-istatistika  internazzjonali u nazzjonali li 70% li jbatu bid-dipressjoni ma jeħdux il-kura minħabba l-istigma.

Filwaqt li qal li s-suwiċidji f’Malta qed jiżdiedu, żied jgħid li kull 40 sekonda fid-dinja jkun hemm persuna li tneħħi ħajjitha b’idejha.

Żied jgħid li s-sena d-dieħla r-rata se tkun qed tiżdied għal darba kull 20 sekonda. Fl-istess waqt huwa kkritika lill-Gvern u qal li ma jistax jifhem kif dan żarma l-Crisis Intervention Team. “Dan kien fid-Dipartiment tal-Emerġenza u ġie żarmat,” saħaq Galea.

Tenna li “waqt il-pandemija tal-Covid-19 il-Gvern ħa l-isptar Boffa u din nifhima. Issa d-Dipartiment tal-Ġilda spiċċa bla post. Għalqu l-unit tal-psikjatrija fl-Isptar Mater Dei u l-professjonisti ħarġu jikkundannaw dan. Issa hemm ħames kliniċi żgħar biex jieħdu Malta kollha.  Kien hemm riżenji ta’ psikjatri u ħaddiema soċjali. Il-klinika tal-Furjana tiflaħ 1,000 pazjent u issa din żdidulha b’4,000 pazjent mil-lejl għan-nhar. Il-kliniċi  mhux adattati biex jieħdu l-pazjenti.”

Filwaqt li kompla bil-kritika ħarxa tiegħu fil-konfront tal-Gvern, Galea tenna li “Stewards Healthcare huma ħallelin, korrotti, u imbroljuni.” 

Tenna li filwaqt li l-Gvern għandu flus allokati għal Steward Healthcare, min-naħa l-oħra ma sabx flus x’jalloka għall-isptar tas-saħħa mentali.

“Mank għamlu żrara. Flus ivvutati ma rajtx għal dan l-isptar tal-psikjatrija. Dan il-Gvern keċċa l-Unit tal-Psikjatrija mill-Isptar Mater Dei.  Ma beniex l-isptar għas-saħħa mentali imma lilna l-pazjenti għalqilna l-outpatients li kellna Mater Dei.”

Żied jgħid li l-Gvern qed ikompli jżid l-istigma bid-deċiżjonijiet li jieħu. “Nappella lill-Gvern biex jerġa’ jaħsibha. Il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali qabel mal-gvern ma’ dak li sar. Nappellalu li qabel jgħaġġel jilgħaq lill-Ministru tal-ġurnata jara x’inhi s-sitwazzjoni f’dawn iċ-ċentri iffullati.”

Share With: