AĠĠORNATA: Vince Gaffarena mistenni jixhed fil-ġimgħat li ġejjin jekk ma jirriżultax pożittiv għall-COVID-19

Wieħed miż-żewġ vittmi tal-isparatura li seħħet fl-Imqabba f’Lulju li għadda ma tħallix jidħol fil-bini tal-Qorti biex jixhed dwar dak li ġara minħabba li nstabitlu t-temperatura għolja.

Vince Gaffarena, li għandu 17-il sena, kien imsejjaħ biex jixhed fil-kumpilazzjoni dwar dak li ġara fid-29 ta’ Lulju li għadda meta huwa safa ferut gravi waqt li kuġinuh Saviour Gaffarena ta’ 27 sena nqatel b’tiri ta’ arma tan-nar fl-imsemmija lokalitża.

Dwar dan il-każ il-Pulizija ressqet żewġ żgħażagħ ta’ 18-il sena minn Ħal Kirkop, Owen Schembri u Leon Debono, li jinsabu mixlijin bil-qtil u l-attentat ta’ qtil taż-żewġ kuġini.

Kien l-Avukat Noel Bianco li nforma lill-Maġistrat Nadine Lia kif għalkemm il-klijent tiegħu ried jidħol biex jixhed ma tħallix minħabba t-temperatura għolja. Gaffarena issa mistenni li jixhed f’seduta oħra fil-ġimgħat li ġejjin dejjem jekk ma jirriżultax pożittiv għall-Covid19.

F’awla mimlija avukati, pulizja, qraba tal-vittmi u dawk tal-akkużati xehdu t-tobba Jonathan Joslin u Michael Spiteri li ssejħu fuq il-post biex jagħtu l-għajnuna lill-vittmi u spjegaw kif waqt li Vince Gaffarena kellu ġrieħi gravi fix-xedaq Saviour Gaffarena kellu qalbu wieqfa u għalkemm tawh l-għajnuna dan ġie dikjarat mejjet fuq il-post.

Xhud ieħor kien l-Ispettur Keith Arnaud li kien involut fl-investigazzjoni fejn dan spjega kif mill-investigazzjoni rriżulta li Vince Gaffarena għadda lil xi pulizija karta bl-ismijiet taż-żewġ akkużati.

Huwa semma kif waqt l-interrogazzjoni Debono qalilhom li huwa, Schembri u ż-żewġ kuġini kienu fl-istess karozza meta Saviour u Vince Gaffarena ħadu l-kokaina mbagħad tal-aħħar beda jsir aggressiv u ħareġ sikkina għalih u huwa ħarab mingħajr ma jaf x’kien ġara lill-oħrajn.

Min-naħa tiegħu Schembri qallu waqt l-interrogazzjoni li kien Debono li spara tir u mbagħad huma telqu minn fuq il-post u ħallew liż-żewġ kuġini fil-karozza.

Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ qed titmexxa wkoll mill-Ispettur Kurt Zahra waqt li l-Avukati Arthur Azzopardi u Alfred Abela qed jidhru għal Schembri u l-Avukati Giannella de Marco u Stephen Tonna Lowell għal Debono.

Share With: