AĠĠORNATA: Żewġ Taljani mixlija bl-importazzjoni ta’ 55 kilo kannabis

Żewġ Taljani baqgħu jinżammu taħt arrest preventiv wara li tressqu separatament il-Qorti fejn ġew akkużati bil-pussess u l-importazzjoni ta’ xejn inqas minn 55 kilo kannabis.

L-irġiel – Antonio Saponara ta’ 35 sena li jaħdem bħala mastrudaxxa u Vito Potenza ta’ 34 sena li huwa sajjied, t-tnejn residenti Wied il-Għajn – wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom. 

Potenza waħdu kien mixli li assoċja ruħu ma’ persuni oħra f’dawn il-gzejjer bl-iskop li tinbiegħ jew tiġi ttraffikata d-droga u li kien fil-pussess tad-droga kokaina. 

Huma ġew arrestati l-Erbgħa waranofsinhar, wara li l-Pulizija kienu ċċirkondaw lanċa tas-sajd, li hija rreġistrata Malta, malli din trakkat mal-moll f’Wied il-Għajn. 

Wieħed mill-persuni abbord, malli lemaħ il-pulizija qabel il-baħar iżda ġie arrestat mill-ewwel, waqt li ġiet arrestata l-persuna l-oħra li kienet fuq il-lanċa. Taljan ieħor li kien qiegħed jistenna l-lanċa tittrakka mal-moll qiegħed jinżamm mill-pulizija għal aktar stħarriġ. 

Il-55 kilo droga nstabet f’diversi boroż tal-plastik f’sitt xkejjer tad-drapp moħbijin f’partijiet differenti tal-lanċa. Il-valur fit-triq, li kieku din id-droga nbiegħet, kienet tlaħħaq is-€750,000. 

Intant, il-Pulizija għamlet tfittxija wkoll fir-residenza tat-Taljani fejn instab ammont żgħir tal-pjanta kannabis u sustanza bajda, allegatament droga kokaina. 

L-imputati Saponara u Potenza tressqu quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli fejn ċaħdu l-akkużi kontrihom iżda baqgħu jinżammu arrestati wara li ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest tagħhom. Il-Qorti ordnat ukoll li jiġu ffriżati l-assi kollha tagħhom. 

Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispetturi Steven-Ryan Micallef u Mark-Anthony Mercieca. L-Avukati Arthur Azzopardi u Rene Darmanin dehru għall-imputati. 

Aktar kmieni dalgħodu: Ġimgħat ta’ investigazzjoni u sorveljanza mill-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga fuq il-movumenti ta’ lanċa tas-sajd, waslu għal sejba ta’ madwar 55 kilo kannabis li kienet se tiddaħħal Malta. B’rabta ma’ din is-sejba ġew arrestati tlett irġiel Taljani li għandhom 34 sena, 35 sena u 54 sena u kollha huma residenti Malta. 

L-Erbgħa waranofsinhar, membri tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, assistiti mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit (RIU) iċċirkondaw il-lanċa, li hija rreġistrata Malta, malli din trakkat mal-moll f’Wied il-Għajn. Wieħed mill-persuni abbord, malli lemaħ il-pulizija qabeż il-baħar iżda ġie arrestat mill-ewwel, waqt li ġiet arrestata l-persuna l-oħra li kienet fuq il-lanċa. Qiegħed jinżamm ukoll mill-pulizija raġel ieħor li kien qiegħed jistenna l-lanca titrakka mal-moll. 

Il-55kg droga kannabis instabet f’diversi boroż tal-plastik f’sitt xkejjer tad-drapp, li kienu moħbijien f’partijiet differenti tal-lanċa. Il-valur fit-triq, li kieku din id-droga nbigħet, kienet tlaħħaq is- €750,000. 

Saru wkoll tfittxijiet fir-residenza tat-Taljani fejn instab ammont zgħir tal-pjanta kannabis u sustanza bajda, allegatament droga kokaina. 

Iż-żewġt irġiel ta’ 34 sena u 35 sena, li kienu fuq il-lanċa, se jkunu qegħdin jitressqu l-Qorti llum il- Ġimgħa, 27 ta’ Novembru, 2020 fl-10:00 a,m, quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Audrey Demicoli. 

L-investigazzjonijiet dwar dan il-każ għadhom għaddejjin. 

Share With: