Ajax bi 11-il player pożittivi għall-Covid-19

Ajax Amsterdam jistgħu jkunu mingħajr diversi players ewlenin wara li 11-il membru tal-iskwadra rriżultaw pożittivi għal Covid-19 qabel il-konfront tal-lum taċ-Champions League f’Midtjylland.

Ajax ivvjaġġaw lejn id-Danimarka bi 17-il player biss, elenkati fl-iskwadra fuq il-websajt tagħhom. Il-club ma rrilaxxax l-ismijiet tal-players bil-virus minħabba r-regoli tal-privatezza.

Il-captain Dusan Tadic, il-goalkeeper Andre Onana u l-midfielders Davy Klaassen u Ryan Gravenberch kienu kollha mistennija li jibdew il-partita ta’ Grupp D f’Herning iżda tħallew barra mill-iskwadra li vvjaġġat.

Il-goalkeeper riserva Maarten Stekelenburg ukoll tħalla barra, u fil-vjaġġ kellhom biss lil Kjell Scherpen.

Il-midja Olandiża qalet il-bieraħ li qed  isiru testijiet sekondarji għal dawk effettwati bit-tama li r-riżultati jistgħu jirriżultaw negattivi u aktar players ikunu jistgħu jivvjaġġaw lejn id-Danimarka, iżda jkollhom bżonn permess mill-UEFA biex jagħmlu dan.

Taħt ir-regoli tal-għaqda li tmexxi l-football fl-Ewropa, Ajax ikollhom jilagħbu l-logħ­ba jekk 13-il player jew aktar fuq il-lista A tagħhom ikunu disponibbli.

Ajax jinsabu t-tielet fi Grupp D b’punt minn żewġ logħbiet, ħames bogħod mil-leaders Liverpool u tlieta wara Atalanta. Midtjylland jinsabu fil-qiegħ wara li tilfu l-ewwel żewġ logħbiet tagħhom.

Share With: