Alfred Sant jesprimi riservi dwar l-attitudni tal-UE tal-‘one-size-fits-all’ dwar artijiet b’għadajjar

Alfred Sant esprima tħassib dwar l-attitudni tal-‘one-size-fits-all’ tal-Kummissjoni Ewropea dwar id-definizzjoni tal-artijiet b’għadajjar fl-ikkaċċjar u qal li l-istruttura ġeo-demografika ta’ Malta tkun tfisser li restrizzjonijiet bħal dawn imorru lil hinn mill-ambitu u l-intenzjoni oriġinali tal-proposta.

Alfred Sant indirizza s-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew wara li vvota favur riżoluzzjoni mressqa mill-grupp tal-Konservattivi u Riformisti Ewropej immirata biex treġġa’ lura l-Anness tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, Evalwazzjoni, Awtorizzazzjoni u Restrizzjoni ta’ Kimiċi (REACH) rigward il-balal taċ-ċomb fuq artijiet b’għadajjar.

Il-partijiet interessati, b’mod partikolari l-assoċjazzjonijiet tal-kaċċa, qajmu bosta riżervi dwar il-miżuri tal-Kummissjoni, prinċipalment relatati mad-definizzjoni tal-artijiet b’għadajjar, id-daqs tal-buffer zones madwarhom, l-infurzar, speċjalment il-preżunzjoni ta’ ħtija għal persuni li jġorru ċ-ċomb, l-eżistenza ta’ alternattivi, u l-applikabbiltà tar-restrizzjonijiet REACH għall-konsumaturi.

Alfred Sant esprima qbil mal-argument ewlieni tal-intenzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni li trid tneħħi l-użu taċ-ċomb fil-kaċċa billi dan iġib firxa wiesgħa ta’ benefiċċji ambjentali, mhux biss għall-kampanja, iżda wkoll għas-saħħa tal-bniedem, u s-sikurezza tal-ikel. Madankollu, il-proposta kif preżentata hi fundamentalment difettuża.

“L-ewwel nett, il-proposta tneħħi l-preżunzjoni tal-innoċenza. Persuna li tinstab fil-pussess ta’ munizzjon ikkargat biċ-ċomb f’buffer zone ta’ 100 metru għal art b’għadajjar għandha tipprova li l-munizzjon m’huwiex maħsub biex jintuża f’dik it-tip ta’ art. Dan għandu jiġi rivedut”, qal Alfred Sant.

Attitudni bħal din tonqos milli tapplika l-prinċipju tal-proporzjonalità. Il-kontenut u l-forma tal-azzjoni proposta fir-regolament għandhom ikunu konformi mal-għan aħħari.

Fil-vot tal-plenarja għar-riżoluzzjoni, 292 ivvutaw favur l-oġġezzjoni, 362 kontra u 39 astjenew. Is-sitt Ewroparlamentari Maltin ivvutaw favur l-oġġezzjoni.

Share With: