Ansjetà fost l-anzjani, problemi bejn koppji u tfal inkontrollabbli; L-aktar kwistjonijiet li dwarhom saru telefonati fuq il-1772

Minn Victor Vella

Il-pandemija li issa ilha taffettwa lil pajjiżna għal dawn l-aħħar tmien xhur, ħolqot problemi oħrajn fis-soċjetà tagħna minħabba l-miżuri li ttieħdu. Filfatt fuq il-linja 1772, Inewsmalta hi infurmata li fost l-issues li qed jitqajmu hemm l-ansjeta fost l-anzjani, problemi bejn koppji u tfal inkontrollabbli.

Ninsabu informati li fuq is-Support Line 179 fi ħdan l-FSWS, qed ikun hemm ‘l fuq minn 1100 telefonata fix-xahar. It-telefonati jvarjaw minn persuni li għaddejjin minn problemi ta’ sħħa mentali, depressjoni, vjolenza domestika, abbuż tat-tfal, abbuż ta’ anzjani, problemi f’relazzjonijiet u oħrajn.

 F’kummenti l-FSWS qaltilna li “ta’ min wieħed ifakkar li matul il-pandemija il-Fondazzjoni nediet linja oħra li hija disponibbli għal pubbliku 24 siegħa kuljum, il-linja 1772 li bdiet f’Marzu 2020. Fuq din il-linja rajna aktar problemi rigward ansjetà li ġabet magħha l-pandemija, anzjani u persuni vulnerabbli li sabuha diffiċli li joqogħdu ġewwa u ma jiltaqgħux mal-għeżież taghhom, problemi ta’ ġenituri li sabuha diffiċli biex jikkontrollaw lit-tfal tagħhom għal ġranet sħaħ peress li ma kenux qed imorru skola u problemi wkoll bejn il-koppji peress li inbidlet ħafna id-dinamika fil-familji.”

L-FSWS qaltilna li “kemm fuq Supportline 179 u kif ukoll fuq 1772 iċemplu persuni li għaddejjin minn depressjoni u problemi ta’ saħħa mentali. Ikun hemm dawk li diġa jkunu qed jieħdu għajnuna minn xi professjonisti oħra u jkun hemm dawk li jkunu għadhom qatt ma resqu għall-għajnuna u għalhekk dawn il-linji jservu bħala l-ewwel pass sabiex inkunu nistgħu nirreferuhom qabel ikun tard wisq. Matul dawn ix-xhur kellna wkoll telefonati fejn persuni urew ħsibijiet li jneħħu ħajjithom b’idejhom. Minn naħa tagħna nkunu nistgħu nipprovdu għajnuna immedjata lil dawn il-persuni u nikkollaboraw ma professjonisti oħra sabiex inkunu nistgħu nagħtu l-aħjar servizz possibbli lil dawk li jċemplu.”

L-FSWS ħeġġet  lil dawk kollha li għaddejjin minn xi problema sabiex iċemplu fuq dawn in-numri sabiex isibu l-għajnuna meħtieġa u ma jibqgħux isofru fis-skiet ta’ darhom.

Share With: