Arrestati waqt rejd għad-droga fil-Marsa

Raġel ta’ 30 sena, li joqgħod il-Marsa, tard ilbieraħ billejl ġie arrestat waqt rejd mill-Iskwadra tal-Pulizija  ta’ Kontra d-Droga.  

Wara jiem ta’ osservazzjoni fuq movumenti f’garaxx fi Triq Prince Albert, il-Marsa, il-pulizija bdiet  sorveljanza fuq sid il-garaxx, minn fejn allegatament kien qiegħed ibiegħ id-droga. Għall-ħabta 10:00 p.m, ingħatat ordni sabiex skwadra tal-iSpecial Intervention Unit (SIU), jidħlu fil-post, billi  jqattgħu l-bibien tal-ħadid. Malli fetħu l-aċċess għall-post, il-pulizja daħlu u arrestaw lir-raġel. 

Assistiti mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit, l-uffiċjali tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga għamlu  tfittxija fil-garaxx fejn instabu diversi boroż bi qratas suspettati droga kokaina u eroina, kif ukoll instab  ammont ta’ sustanza suspettata crack. Ġew elevati wkoll miżien, numru ta’ skieken, flus kontanti, kif  ukoll oġġetti oħra relatati mad-droga. 

Bil-każ infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Dr Astrid May Grima LL.D, li min-naħa tagħha ħatret  l-esperti sabiex jassistuha. 

Ir-raġel qiegħed jinżamm arrestat, bl-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin. 

Waqt li l-Pulizija kienu fuq il-post, ġiet arrestata mara ta’ 45 sena li toqgħod San Pawl il-Baħar hekk kif  instabet fil-pussess ta’ oġġetti relatati mal-abbuż tad-droga.

Share With: