Waterpolo: Ben Plumpton jirbaħ l-unur tal-Player tas-Sena

Ben Plumpton rebaħ l-unur tal-BOV Player tas-Sena.

Dan il-player żagħżugħ ta’ 22 sena kellu staġun mill-aqwa hekk kif kien strumentali biex San Ġiljan jiksbu d-double permezz tar-rebħ tal-Kampjonat Premier u tan-Knock-Out, mingħajr ma kisbu telfa matul l-istaġun kollu.

Fl-Ewwel Diviżjoni, kien il-player veteran ta’ Valletta Niki Lanzon li ġie vvutat bħala l-Player tas-Sena. Huwa wkoll kellu staġun mill-aqwa fejn għen lit-team mill-kapitali jikseb id-double.

Fil-kampjonat tan-nisa kienet ukoll player ta’ San Ġiljan li trijonfat hekk kif kienet il-goalkeeper Stephanie Tanti Desjardins li ġiet ivvutata bħala l-Player tas-Sena hekk kif kellha staġun formidabbli bejn il-lasti tas-Saints.

Fil-kategoriji tal-juniors, il-player ta’ Neptunes Alec Fenech rebaħ l-unur tal-Player tas-Sena fil-kategorija ta’ taħt il-15-il sena waqt li Jayden Cutajar rebaħ l-unur fil-kategorija ta’ taħt it-13-il sena.

L-ASA qalet li ċ-ċerimonja ta’ preżentazzjoni għal dawn l-unuri se tkun qed issir iktar ‘il quddiem.

Share With: