Bernard Grech jgħid li l-Gvern tilef il-kontroll tal-pandemija

F’intervent li għamel aktar kmieni llum il-Kap Nazzjonalista u l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech għamel referenza għaż-żieda fil-każi ġodda ta’ persuni infettati bil-Covid-19 u qal li l-Gvern tilef il-kontroll tal-pandemija f’pajjiżna.

Huwa qal dan f’intervista fuq l-istazzjon tar-radju tal-Partit Nazzjonalista.

Grech qal li filwaqt li fuq naħa l-Prim Ministru Robert Abela qed jgħid li s-sitwazzjoni tinsab taħt kontroll, min-naħa l-oħra l-Ministru għas-Saħħa qed jgħid li s-servizzi tas-saħħa jinsab fi kriżi u f’riskju li jikkollassaw.

Żied jgħid li l-messaġġ tal-Gvern illum il-ġurnata jikkuntrasta bil-kbir mal-messaġġ li kien jagħti fil-bidu tal-pandemija, u dan qed iwassal għal numru ta’ każi għoljin ta’ persuni infettati bil-virus, bis-sistema ta’ contact tracing m’għandhiex ir-riżorsi umani biex tlaħħaq man-numru tal-każi li qed jiġu reġistrati ta’ kuljum.

Huwa ħeġġeġ lill-Gvern biex jagħraf ir-realtà u filwaqt li ħadd ma jrid sitwazzjoni oħra ta’ lockdown, jekk in-numru ta’ każi jkomplu telgħin allura s-sitwazzjoni taf tkun inevitabbli.

Dwar il-proposta ta’ patt soċjali ġdid fir-rakkomandazzjonijiet li l-Partit Nazzjonalista għamel għall-baġit, Grech qal li jemmen f’pajjiż li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies.

Emfasizza l-importanza li tiġi ffaċċjata l-isfida tal-housing li qed jindirizzaw numru ta’ familji, madankollu qal li din l-isfida m’għandhiex tingħeleb billi jingħataw proprjetajiet għall-akkomodazzjoni soċjali kważi bix-xejn.

Share With: