Biden ikabbar il-vantaġġ f’Pennsylvania u Nevada

17.39: Biden ikabar il-vantaġġ f’Pennsylvania u Nevada

Joe Biden kabbar il-vantaġġ tiegħu f’Pennsylvania u Nevada. Fl-istat ta’ Pennsylvania Biden għandu vantaġġ ta’ 9,027 vot fuq Donald Trump. Fl-istat ta’ Nevada l-vantaġġ tiegħu kiber għal 22,076 vot, jew 1.7% tat-total tal-voti.

16.45: Il-voti tal-istat ta’ Georgia se jerġgħu jingħaddu

Brad Raffensperger, is-segretarju għall-istat ta’ Georgia, ikkonferma li se l-voti fl-istat se jkunu ed jerġgħu jingħaddu. Dan minħabba li d-distakk bejn iż-żewġ kandidati għall-Presidenza tal-Istati Uniti hija waħda minima.

Attwalment Joe Biden għandu vantaġġ ta’ 1,579 vot biss fuq Donald Trump.

16.06: Biden ikabbar il-vantaġġ f’Pennsylvania

Il-vantaġġ ta’ joe Biden f’Pennsylvania kiber għal 6,737 vot wara li ġew aġġoranti ir-riżultati ta’ madwar 3,000 vot ieħor ta’ Bucks County. L-aġenzija tal-aħbarijiet AP għadha ma ddikjaratx rebbieħ għall-istat ta’ Pennsylvania, madankollu l-voti li għad baqa’ mistennijin li jkunu favorevoli għal Biden.

14.55: Biden jikseb vantaġġ f’Pennsylvania

L-aħħar ċifri aġġornati qed ipoġġu lil Joe Biden fuq quddiem fl-istat ta’ Pennsylvania. Huwa għandu vantaġġ ta’ madwar 5,600 vot. Jekk is-sitwazzjoni tibqa’ kif inhi, iċ-ċansijiet għal Donald Trump li jerġa’ jirba il-presidenza tal-Istati Uniti tisfuma fix-xejn.

12.13: Biden b’vantaġġ f’Georgia

Hekk kif qed ikompli l-għadd tal-voti fl-Istati Uniti, Joe Biden kiseb vantaġġ fuq Trump biex issa huwa l-kandidat bl-akbar għadd ta’ voti s’issa f’dan l-istat. Il-vantaġġ ta’ Biden jammonta għal madwar elf vot.

10.27: X’jeħtieġu Trump u Biden biex jirbħu?

Kemm Joe Biden u kif ukoll Donald Trump għadhom biċ-ċans li jirbħu l-elezzjoni presidenzjali.

Joe Biden
Biden jetieġ li jirbaħ żewġ stati minn Arizona, North Carolina, Nevada u Georgia, jew jirbaħ l-istat ta’ Pennsylvania

Donald Trump
Trump jeħtieġ li jirbaħ tliet stati minn Arizona, North Carolina, Nevada u Georgia, u kif ukoll jirbaħ Pennsylvania

Iċ-ċansijiet għal Trump kulma jmur dejjem aktar qed jonqsu, bil-vantaġġ tiegħu f’Georgia jinżel għal 463 vot.

10.22: Jinstabu mal-1,700 vot f’ċentri tal-ipproċessar tal-posta f’Pennsylvania

Is-Servizz Postali tal-Istati Uniti (USPS) qal li madwar 1,700 vot instabu f’faċilità tal-ipproċessar u kienu qed jittieħdu lil uffiċjali elettorali.

Fi preżentata aktar kmieni llum, il-USPS qalet li 1,076 vot insatbu fiċ-ċentru tagħha ta’ Philadelphia, filwaqt li madwar 300 vot ieħor instabu fiċ-ċentru ta’ pproċessar ta’ Pittsburgh. Kien hemm voti oħrajn li nstabu f’ċentri ta’ pproċessar oħrajn.

Il-voti jridu jiġu rċevuti sal-lum filgħaxija f’Pennsylvania biex jiġu magħdudin. L-elezzjoni presidenzjali għadha waħda viċina, minkejja li Biden għandu aktar probabbiltà li jikseb il-270 vot elettorali meħtieġa biex jiġi elett President tal-Istati Uniti. L-istat ta’ Pennsylvania huwa wieħed mill-istati li mistenni jiddetermina l-eżitu tal-elezzjoni.

USPS qalet li madwar 500 vot kienu nstabu wkoll f’ċentru fl-istat ta’ North Carolina.

10.11: Id-distakk bejn Trump u Biden f’Georgia jinżel għal madwar 600 vot

L-attenzjoni tal-elezzjoni fl-Istati Uniti bħalissa tinsab iffokata fuq l-istat ta’ Georgia. Dan hekk id-distakk bejn Donald Trump u Joe Biden issa niżel għal madwar 600 vot, b’Biden mistenni li jkompli jnaqqas id-distakk tiegħu hekk kif se jingħaddu voti minn precincts li storikament huma Demokratiċi.

Id-distakk bejn Trump u Biden qed ikompli jonqos ukoll fl-istat ta’ Pennsylvania.

Intant il-midja Amerikana qed tindika li l-eżitu tat-tiġrija presidenzjali għall-White House taf tkun magħrufa aktar tard illum, b’Biden jeħtieġ li jikseb ir-rebħ ta’ stat ieħor biex jikseb il-maġġoranza ta’ 270 vot elettorali biex jinħatar President tal-Istati Uniti.

Share With: