“Daqshekk ħdimt purtieri tal-qasab nann” – Titħabbar il-mewt ta’ Ninu l-Ħaġi

Miktub Minn Brian Gatt, Ritratti: Alan Saliba

“Daqshekk ħdimt purtieri tal-qasab nann”, hekk kiteb wieħed min-neputijiet ta’ Anthony Vassallo magħruf bħala l-Ħaġi biex isellem il-memorja tal-anzjan.

Ninu l-Ħaġi jirfed il-qasab biex jifforma l-purtiera mixtieqa

Ninu miet fl-età ta’ 91 sena u sa ftit tal-ġimgħat ilu inewsmalta kienet marret fir-remissa tiegħu fejn kien għadu jfassal u jaħdem il-purtieri tal-qasab. Ninu kien irrakkuntalna dwar l-esperjenza tiegħu fil-ħadma tal-ħasira u li għal kważi 60 sena sħaħ kien baqa’ jfassal dawn il-purtieri lil min jitlobhomlu.

Meta konna staqsejnih dwar jekk jiddispjaċihx li din is-sengħa bħal qisha qiegħda tispiċċa kien weġibna bil-kliem “La tagħlaq għajnejk ma tista’ tkellem lil ħadd. Jekk iridu t-tfal jafu kollha iżda llum ħadd ma jrid jaf b’dan ix-xogħol, pagi tajbin u wara jfittxu jiddevertu”.

Ninu l-Ħaġi jaqta’ t-truf żejda fl-aħħar stadju tal-purtiera

Għalkemm il-qraba ta’ Ninu kienu minn ta’ quddiem biex jaqsmu din l-aħbar ta’ niket, ċertament li dik ir-remissa fir-Rabat mhux se tibqa’ l-istess mingħajr Ninu li kont issibu mixħut hemm lest biex jgħid kelma, jew bl-għodda f’idu li minkejja dak iż-żmien kollu baqa’ jiflaħ għaliha sal-aħħar jiem ta’ ħajtu.

Aqra wkoll:

“Qalb il-pal tal-bajtar ilmaħt raġel jaħdem purtiera … iddeċidejt li nagħmel waħda”
Share With: