€2,000 multa talli saq fis-sakra karozza ikklampjata

Żagħżugħ kien immultat €2,000 wara li nstab ħati li saq taħt l-influwenza tax-xorb bil-pulizija jsibuh f’karozza f’nofs tat-triq li kellha l-‘clamp’ ma’ waħda mir-roti ta’ quddiem.

Kurt Muscat kien mixli fil-Qorti tal-Maġistrati li fit-13 ta’ Diċembru 2017 f’San Ġiljan saq taħt l-influwenza tax-xorb, naqas lijagħtu kampjun tan-nifs u li saq b’mod perikoluż.

Kien dakinhar fl-4.00 a.m. li l-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm inċident tat-traffiku li fih aktarx kien involut raġel fis-sakra.

Meta surġent u kuntistabbli marru fuq il-post sabu li kien hemm vettura li ħabtet ma’ tlieta oħra ipparkjati kif ukoll ‘clamp’ imwaħħla ma’ waħda mir-roti ta’ quddiem u ikkonkludew li kien saq biha.

Meta kellmu lil Muscat qalilhom li ma kienx jiftakar x’ġara u peress li xammewlu riħa ta’ xorb ħaduh l-għassa biex jagħmlulu t-test tan-nifs fejn ma bediex jonfoħ sew u peress li qalilhom li kien ażmatiku waqfuh.

Muscat instab ħati li saq taħt l-influwenza tax-xorb u b’mod perikoluż imma mhux li irrifjuta li jagħti t-test tan-nifs madankollu appella.

L-Imħallef Edwina Grima ikkonkludiet li l-provi juru li huwa ma kienx f’kundizzjoni li jsuq u li għamel dan b’mod perikoluż.

Kien għalhekk li ikkonfermat l-ewwel sentenza b’Muscat irid iħallasha €100 fix-xahar.

Share With: