“Ebda sekwestru ta’ ġurnalisti f’Kastilja”

Tlett irġiel mhux ħatja li żammew ġurnalisti kontra l-volontà tagħhom

Tlett irġiel ma nstabux ħatja li żammew kontra l-volontà tagħhom numru ta’ ġurnalisti fil-Berġa ta’ Kastilja wara konferenza tal-aħbarijiet li kienet saret f’Novembru 2019 u li kienet indirizzata mill-eks Prim Ministru Joseph Muscat. Huma kienu lliberati wara li l-Maġistrat li sema’ l-kawża kkonkluda li l-Prosekuzzjoni naqset milli tipprova l-każ.

L-irġiel inkwistjoni kienu Jody Pisani, Mark Gauci U Emanuel McKay, li kienu mixlija li żammew lil Monique Agius, Miguela Angela Xuereb, Julian Bonnici u Paul Caruana Galizia kontra r-rieda tagħhom.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Joseph Mifsud, għamlitha ċara li mhi kuntenta xejn bil-mod kif sar l-istħarriġ f’dan il-każ. Il-każ kien seħħ fid-29 ta’ Novembru li għadda u l-akkużi ħarġu fl-14 ta’ Lulju 2020. 

“Il-Pulizija kellha aktar minn tmien xhur tinvestiga, tiġbor ix-xhieda u d-dokumenti kollha u tippreżenta każ komplut quddiem quddiem din il-Qorti. Ħadd m’għandu jippretendi li tkun il-Qorti li ssewwi n-nuqqasijiet ta’ ħaddieħor.

“Il-Qorti tiddeċiedi l-każijiet li jkollha fuq dak li jinġieb quddiemha u mhux fuq dak li jingħad barra minn dawn l-awli, f’xi rapport fuq xi ġurnali, f’xi portal jew fis-social media,” qalet il-Qorti. 

Fl-osservazzjonijet tiegħu, il-Maġistrat Mifsud qal li għandu jkun hemm kollaborazzjoni mal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin, Kummissarju għall-Istandards tal-Ħajja Pubblika u l-Gvern biex jitħejjew protokolli varji għal attivitajiet varji.

Qal ukoll li hemm bżonn ta’ taħriġ għal sitwazzjonijiet ta’ tensjoni għax mix-xhieda ta’ Agius, Xuereb u Bonnici ġie nnutat li ħadd minnhom ma kellu t-taħriġ bażiku fejn jidħlu sitwazzjonijiet varji waqt rappurtaġġ.

Fil-konklużjonijiet tiegħu, il-Maġistrat Mifsud innota li ma kienx stabbilit min ta l-ordni biex jingħalaq il-bieb u x’ħin kellhom joħorġu dawk preżenti inkluż il-ġurnalisti. Dan filwaqt li kien hemm aktar minn bieb wieħed minn fejn persuna tista’ toħroġ għalkemm saret enfasi fuq bieb partikolari. 

Mix-xhieda li nstemgħet ma rriżultax li ntużat xi forza fil-konfront tal-ġurnalisti, ma tteħdilhom l-ebda apparat li kellhom tant li setgħu jibqgħu jirrappurtaw dak li kien għaddej. 

“X’ħin infetaħ il-bieb jidher ħiereġ kulħadd inkluż l-imputati fejn jidher li żviluppat sitwazzjoni free for all li fl-ebda binja, jekk hix tal-Gvern jew tal-privat ma wieħed jistenna li jsir hekk. Meta persuna tmur f’post hix bħala mistiedna jew biex twettaq xi ħidma ma tippretendix li tieħu over il-binja,” tenna l-Maġistrat Mifsud. 

“Ma jistax jingħad illi Monique Agius, Miguela Angela Xuereb, Julian Bonnici u Paul Caruana Galizia marru fil-fond inkwistjoni kontra l-volontà tagħhom. Barra minn hekk mix-xhieda prodotta ma jistax jingħad illi kien hemm arrest, detenzjoni jew sekwestru illegali, l-ingredjenti li għandu jkun hemm biex tinstab htija dwar dan l-artikolu partikolari fil-Kodici Kriminali.” 

Il-Qorti temmet tgħid li ma tħosshiex moralment konvinta li l-Prosekuzzjoni laħqet il-grad ta’ prova rikjesta minnha, u għaldaqstant ma sabitx lill-imputati ħatja tal-imputazzjoni miġjuba kontrihom u lliberathom.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Daryl Borg. L-Avukat Charlon Gouder, Ramona Attard u Matthew Xuereb dehru għall-imputati.

Share With: