Erba’ rġiel jinħelsu mill-akkużi b’rabta ma’ ġlieda f’garaxx

Erba’ rġiel li allegatament kienu involuti fi ġlieda vjolenti f’garaxx fġewwa Ħal Għaxaq sentejn ilu nħelsu mill-akkużi minħabba li ma kienx hemm biżżejjed evidenza.

Enzo Seychell ta’ 38 sena, Sean Seychell ta’ 33 sena, John Seychell ta’ 59 sena u Clayton Muscat ta’ 34 sena kienu mixlijin li darbu gravement lil Mark Anthony Zahra ta’ 29 sena fil-ġlieda li nqalgħet f’Ġunju tal-2018. Il-ġlieda apparentament qamet minħabba kwistjoni ta’ flus.

Zahra kien akkużat separatament b’rabta mal-inċident u hu wkoll inħeles mill-akkużi miġjubin kontrih.

Fl-għoti tas-sentenza, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Simone Grech, qalet li kemm l-akkużati u kif ukoll l-allegat vittma tagħhom għażlu li ma jagħtux ix-xhieda tagħhom biex jevitaw il-possibbiltà ta’ inkriminazzjoni.

Filmat miġbud minn kameras ta’ sigurtà li ngħata lill-pulizija ma kienx ikkonfermat, minħabba li s-sid tal-kamera għażel li ma jixhidx.

Wara li analizzat l-evidenza mressqa quddiema, il-Qorti ddikjarat li ma kinitx konvinta li l-każ kien ippruvat b’ċertezza assoluta.

Kien għaldaqstant li twaqqgħu l-akkużi fil-konfront tal-erba’ akkużati.

L-Avukat Ishmael Psaila deher għall-akkużati, filwaqt li l-avukat Martha Mifsuf dehret parte civile. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Roderick Attard.

Share With: