Farrugia Portelli: “L-infurzar qed isir 24 siegħa kuljum”

Il-ministru resposabbli mit-turiżmu tgħid li dwar il-każ-Smart City nħarġet multa u ordni ta’ infurzar

Il-Ministru għat-Turiżmu u Promozzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli saħqet li l-infurzar fuq stabbilimenti turistiċi b’rabta mal-Covid19 qed isir 24 siegħa kuljum u hemm xifts differenti ta’ ħaddiema biex dan ikun jista’ jsir.

Hija irrimarkat dan fil-Parlament waqt is-seduta li matulha ġew diskussi l-estimi mħabbra fil-Budget 2021 għall-ministeru li tmexxi.

Farrugia Portelli irreferiet għar-ritratt li beda jkun iċċirkolat ta’ numru ta’ persuni viċin stabbiliment fi Smart City u spjegat kif dwar dan il-każ mhux biss inħareġ multa imma ordni ta’ infurzar.

Hija semmiet kif il-Gvern għen lill-industrija tat-turiżmu billi ipprovda l-‘wage supplement’ biex iħares l-impjiegi u dan wassal biex ġew salvati mal-100,000 impjieg li fil-parti l-kbira tagħhom kienu fit-turiżmu.

Farrugia Portelli saħqet li l-għajnuna li qed jagħti l-Gvern hija maħsuba biex nippreservaw l-impjiegi li hemm fl-industrija ħalli meta tgħaddi din il-burraxka s-settur jerġa’ jqum fuq saqajh.

Il-ministru responsabbli mit-turiżmu spjegat kif sakemm is-sitwazzjoni titjieb il-Gvern nieda proġetti immirati li jtejjbu l-prodott turistiku u semmiet kif fil-jiem li ġejjin se jiġu varati l-pjani ħolistiċi għar-riġenerazzjoni ta’ Wied iż-Żurrieq, l-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar inkluż Buġubba u l-Qawra u anke Paceville.

Hija irreferiet għall-istrateġija nazzjonali dwar it-turiżmu u saħqet li għalkemm din setgħet ġiet ippreżentata f’Marzu dehrilha li kienet tkun zoppa meta titqies is-sitwazzjoni tal-pandemija.

Dwar il-futur tat-turiżmu saħqet li hija trid li din tkun waħda iktar sostenibbli fejn mhux biss niffukaw fuq in-numri imma nħarsu aktar lejn il-kwalità.

Farrugia Portelli enfasizzat ukoll li dan kollu jrid isir biex meta fix-xhur li ġejjin il-pandemija tkun warajna pajjiżna jkollu ritorn ekonomiku b’saħħtu fit-turiżmu li jerġa’ jiġġenera l-flus li konna naraw sa ftit tax-xhur ilu.

Share With: