Fearne: “L-Avviż Legali huwa ċar. Snack bars jistgħu jservu l-ikel sal-11pm”

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li ma jaqbilx mal-kunċett imressaq mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) biex tiġi introdotta liċenzja temporanja għal stabbilimenti tal-ikel, bħal snack bars, li joperaw bħal restorant.

Dan wara li lbieraħ kien hemm rapporti li l-MTA kienet se tintroduċi liċenzja temporanja għal snack bars li jiffunzjonaw bħal restoranti. Dan bil-għan li jkunu jistgħu jservu xorb alkoħoliku.

Bħala parti mill-aħħar miżuri li ġew introdotti, bars u każini kellhom jagħlqu temporanjament sal-1 ta’ Diċembru bil-għan li tiġi kkontrollata l-imxija tal-coronavirus.

Min-naħa l-oħra snack bars tħallew jibqgħu jiftħu sakemm ma jservux xorb alkoħoli lill-klijenti tagħhom. Dan wassal biex diversi stabbilimenti tal-ikel li huma liċenzjati bħal snack bars u li jservu l-ikel mhux qed jitħallew iservu alkoħol.

Intant f’kummenti li ta lill-ġurnalisti Fearne qal li skont l-Avviż Legali fis-seħħ attwalment dawk l-istabbilimenti b’liċenzja ta’ restorant jistgħu iservu ikel u xorb, snack bars jistgħu jservu ikel sal-11.00 p.m. u bars għandhom jibqgħu magħluqin.

Share With: