Fl-2022 Malta bl-akbar tkabbir ekonomiku fl-UE

Fl-aħħar tbassir ekonomiku tagħha għall-Ħarifa 2020, il-Kummissjoni Ewropea qed tipproġetta li Malta se tirreġistra l-akbar tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea fl-2022, tant li r-rata ta’ tkabbir imbassra ta’ 6.2% hija d-doppju tal-medja Ewropea. Dan jikkonferma kemm il-miżuri li qed jieħu l-Gvern mistennija jwasslu għar-riġenerazzjoni tal-ekonomija Maltija.

Minkejja l-importanza tat-turiżmu għal Malta, ir-rapport tal-Kummissjoni jsostni li l-pandemija tfisser biss “a temporary shift from a buoyant growth trend”. Fil-fatt, it-tbassir tal-Kummissjoni Ewropea jindika li d-daqqa ekonomika tal-COVID-19 fuq pajjiżna fl-2020 mistennija tkun 10% anqas minn dik fiż-żona ewro. Sa tmiem l-2022, il-ġid nazzjonali ta’ pajjiżna mistenni li jkun 1.4% akbar minn dak li kien fl-2019, qabel il-pandemija. B’kuntrast, il-ġid nazzjonali fiż-żona ewro fl-2022 huwa stmat li xorta jibqa’ 1% anqas minn dak li kien fl-2019. L-agħar sitwazzjoni mistennija tkun fi Spanja, fejn anke fi tmiem l-2022 is-sitwazzjoni ekonomika mistennija tibqa’ 3.2% anqas minn dik li kienet qabel bdiet il-pandemija.

Waħda mir-raġunijiet ewlenin wara t-tbassir pożittiv tal-Kummissjoni għal Malta huwa l-pakketti ta’ stimolu ekonomiku li daħħal il-Gvern. Fil-fatt, ir-rapport tal-Kummissjoni jsostni li “a voucher system to residents combined with wage supplements to affected employees should support consumption in the retail sector this year”. Ta’ min jinnota li t-tkabbir imbassar fl-ispiża tal-Gvern, 18.4%, huwa l-ogħla fl-Ewropa, u fil-fatt huwa kważi disa’ darbiet il-medja Ewropea.

Barra minn hekk, ir-rapport isemmi l-proġetti kbar ta’ investiment li ħabbar il-Gvern. L-investiment pubbliku huwa mbassar li jisboq il-5% tal-ġid nazzjonali. Dan huwa d-doppju tal-livell osservat fil-kriżi finanzjarja tal-2008/09. L-investiment pubbliku f’pajjiżna fis-snin li ġejjin mistenni jkun darba u nofs il-medja Ewropea.

L-esperti tal-Kummissjoni jsemmu wkoll il-fatt li l-qagħda finanzjarja tajba tal-familji Maltin u Għawdxin, riflessa f’tifdil qawwi, toffri potenzjal biex id-domanda domestika tibqa’ b’saħħitha. Dan jirrifletti l-fatt li skont il-Kummissjoni l-pandemija kellha a limited impact of the labour market”. Dan l-iżvilupp mistenni jkompli bi tnaqqis imbassar fir-rata tal-qgħad. Fl-2022, l-ekonomija Maltija mistennija jkollha l-ogħla rata ta’ tkabbir fl-impjiegi, kważi tliet darbiet il-medja Ewropea.

Intant, it-tbassir tal-Kummissjoni jikkuntrasta mad-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni, li mhux possibbli li fl-2021 il-qagħda finanzjarja tal-Gvern se titjieb kif tħabbar fil-Baġit. Fil-fatt, skont l-esperti tal-Kummissjoni, qed ibassru li d-defiċit ser jonqos bi 3.1% tal-ġid nazzjonali fl-2021 u bi 2.4% fl-2022.

Fid-diskors tiegħu b’risposta għall-baġit, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li mhux possibbli li d-dħul tal-Gvern fl-2021 jista’ jisboq dak tal-2019. Anke hawn jidher li l-opinjoni tiegħu hija differenti minn dik tal-Kummissjoni. Fil-fatt, skont l-esperti tal-Kummissjoni, waqt li d-dħul tal-Gvern kien 37.7% tal-ġid nazzjonali fl-2019, fl-2021 dan mistenni jkun 39.6%.  

Il-Gvern jinnota wkoll li t-tbassir li kien sar fid-dokument ta’ qabel il-baġit tal-Oppożizzjoni li kien sostna li l-ispiża fuq l-imgħax ser tikber ħafna kien ukoll żbaljat. Skont il-Kummissjoni, din l-ispiża ser tlaħħaq il-1.2% tal-ġid nazzjonali fl-2021. Dan b’kuntrast mal-1.4% fl-2019. Ta’ min ifakkar li fi żmien il-kriżi tal-2008/09 il-piż tal-imgħax kien ta’ 3.3%, u kien raġuni ewlenija għalfejn il-Gvern ta’ dak iż-żmien daħħal miżuri ta’ awsterità.

Share With: