Fuq medda ta’ sentejn il-Knisja tirrapporta tmien persuni dwar abbużi

Il-Knisja imponiet restrizzjonijiet fil-konfront ta’ erba’ persuni matul l-2018, u fil-konfront ta’ persuna oħra matul is-sena li għaddiet, wara li allegazzjonijiet ta’ abbużi sesswali kienu sostnuti.

L-allegazzjonijiet kienu saru fil-konfront ta’ saċerdoti djoċesani, saċerdoti reliġjużi, u lajċi.

Dan joħroġ mir-rapport annwali tal-Kummissjoni tas-Salvagwardja tal-Kurja, li qalet li kien hemm tliet restrizzjonijiet oħrajn dwar abbuż fiżiku u emozzjonali u ta’ prattika ħażina.

Mir-rapport joħroġ li fl-2018, il-Kummissjoni rċeviet 19-il allegazzjoni ġdida li jinvolvu minuri u 10 li jinvolvu adulti vulnerabbli.

Il-Kummissjoni kkonkludiet 17-il evalwazzjoni li jinvolvu l-minuri, b’sitta minnhom jiġu sostanzjati, wieħed kien jittratta kwistjoni ta’ prattika ħażina, erbgħa kienu infondati, tnejn ma kinux sostanzjati, wieħed kien jinvolvi persuna li mhix impegata tal-Knisja u tlieta pew referuti lil terzi persuni li ma kinux relatati ma’ safeguarding.

Il-Kummissjoni kkonkludiet li mill-10 evalwazzjonijiet li saru ta’ adulti vulnerabbli, 7 minnhom ġew referuti għal terzi persuni peress li ma kinux kwistjoni ta’ safeguarding, wieħed ma kienx sostanzjat, wieħed kien infondat, u l-ieħor kien kwistjoni ta’ prattika ħażina.

Fl-2019 daħlu 16-il allegazzjoni li kienu jinvolvu minuri u 8 li kienu jinvolvu lil adulti vulnerabbli.

Il-Kummissjoni kkonkludiet tmien evalwazzjonijiet li jinvolvu minuri, fejn sabet li tnejn minnhom kienu sostanzjati, tnejn ma kinux sostanzjati u wieħed fejn il-persuna ma kinitx impjegata ma-Knisja. Ilment ieħor kien jinvolvi xi ħadd li kien miet u f’żewġ ilmenti oħra ma setgħetx tiġi identifikata l-persuna minħabba nuqqas ta’ informazzjoni.

Il-Kummissjoni kkomkludiet tliet evalwazzjonijiet li kienu jinvolvu adulti vulnerabbli, fejn tnejn minnhom ma ġewx sostanzjati u wieħed kien infondat.

Waqt li kien qed jippreżenta r-rapport annwali, il-Kap tal-Kummissjoni tas-Salvagwardja Andrew Azzopardi spjega li l-Knisja hi proattiva billi tirrapporta l-każijiet lill-Pulizija jew lis-servizzi soċjali biex tiżgura li l-allegazzjonijiet ta’ abbuż jiġu investigati wkoll mill-awtorità ċivili kompetenti.

Share With: