Geoffrey Kondogbia jingħaqad ma’ Atletico Madrid

Il-midfielder difensiv Franċiż, Geoffrey Kondogbia, ħalla lil Valencia sabiex ingħaqad ma’ Atletico Madrid. Dan kollu kien possibbli wara li Los Colchoneros ingħataw xahar ieħor ċans li jirreġistraw player ieħor wara l-każ li kellhom fuq Thomas Partey li ngħaqad ma’ Arsenal.

Il-ftehim bejn iż-żewġ clubs Spanjoli ħa fit-tul aktar milli suppost għalkemm kollox sar sempliċi minħabba li l-player Franċiż mhuwiex fil-pjani tal-coach ta’ Valencia Javi Garcia. 

Kondogbia kien ilu ma’ Valencia għal sentejn sħaħ hekk kif lagħab 51 darba magħhom filwaqt li skorja żewġ goals.

Sadanittant il-player ta’ 27 sena iffirma kuntratt ta’ erba’ snin mat-team mill-belt kapitali Spanjola u se jkun għad-dispożizzjoni tal-coach Diego Pablo Simeone wara l-waqfa internazzjonali. 

Dan se jkun is-sitt club għal Kondogbia wara li fil-karriera tiegħu libes il-flokkijiet ta’ Lens, Sevilla, Monaco, Inter u Valencia. 

F’kumment li ta lis-sit elettroniku tal-club minn Madrid, Kondogbia deher kuntent li se jkun qed jibda avventura ġdida f’Estadio Wanda Metropolitano u fisser lil Atletico Madrid bħala club ta’ livell internazzjonali li se jipprova jgħinhom sabiex jirbħu xi ħaġa importanti.

Anke l-partitarji akkaniti ta’ Atletico Madrid laqgħu lil Kondogbia hekk kif kitbulu messaġġi personali fuq il-profili soċjali tiegħu fuq Twitter, Instagram u Facebook. 

Kondogbia lagħab ukoll ħames darbiet mat-team nazzjonali Franċiż tal-kbar għalkemm dan l-aħħar għażel li jikkompeti f’isem ir-Repubblika Ċentrali Afrikana.

Share With: