Ħatra ta’ Kumitat Eżekuttiv ġdid għall-MBSA għas-snin 2020-23

Il-Ġimgħa, fl-Akkademja tas-snooker fil-Ħamrun, saret il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Malta Billiards and Snooker Association li fiha saret ukoll l-elezzjoni għal Kumitat Eżekuttiv ġdid. Matul din il-laqgħa ġew approvati fost oħrajn ir-Rapport Amministrattiv u dak Finanzjarju.

Is-Sur Ivan Brincat ġie maħtur president tal-Assoċjazzjoni wara li kiseb madwar 78% tal-voti  u b’hekk ser ikun qiegħed jieħu post is-Sur Frans Buġeja li ma reġax ikkontesta wara diversi snin iservi f’din il-kariga.

Il-kontestant l-ieħor għall-kariga ta’ president immedjatament feraħ lis-Sur Brincat u ħabbar li dawk il-kandidati kollha li kienu qegħdin fit-team tiegħu kienu iritiraw b’effett immedjat.

Kull kariga ġiet ikkontesta u minħabba r-rekord tal-Assoċjazzjoni, ġie deċiż li l-għadd tal-voti għandu xorta waħda jitkompla.

Il-Kumitat Eżekuttiv ser ikun kompost minn:-

President – Ivan Brincat

Viċi-President – Joseph Zerafa

Segretarju Ġenerali – Andrea Aquilina

Direttur tal-Finanzi – Lothar Mallia

Uffiċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi – Cameron Farrugia

Membri – Terry Camilleri u Maurice Calleja

Waqt din il-laqgħa ġiet approvata proposta biex it-terminu tal-Kumitat Eżekuttiv ikun għal tliet snin u mhux kif preżentament qiegħed, jiġifieri terminu ta’ sentejn, u dan minħabba l-pandemija tal-Covid-19 sabiex l-Eżekuttiv ikollu aktar żmien biex jaħdem.

Fl-ewwel diskors tiegħu bħala president, is-Sur Brincat irringrazzja lil dawk kollha li pparteċipaw f’din l-elezzjoni fejn kien hemm aktar minn 60 vot mitfugħa minn madwar 80 persuna li kienu eliġibbli. Dan juri biċ-ċar kemm il-MBSA hija Assoċjazzjoni ħajja. Is-Brincat tenna li huwa ser ikun qiegħed ipoġġi kemm lill-players kif ukoll lir-referees tas-snooker fiċ-ċentru tal-ħidma tiegħu u dan biex ikomplu jinkisbu aktar suċċessi.

Fl-aħħar tal-laqgħa ġie deċiż li s-Sur Frans Buġeja jinħatar bħala President Onorarju tal-Assoċjazzjoni bħala ringrazzjament tax-xogħol siewi li wettaq matul is-snin fl-MBSA.

Share With: