Iffirmar tal-ewwel ftehim settorjali tax-xorta tiegħu mal-membri tal-Forzi Armati Maltin

Il-Prim Ministru Robert Abela flimkien mal-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri ppresdew l-ewwel ftehim settorjali mal-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta li se jara l-fond tas-salarji tal-Armata jiżdied bi €8.2 miljun fis-sena.

Dan il-ftehim settorjali, li se jara 1,750 suldat igawdu minn titjib sostanzjali fil-kundizzjonijiet tagħhom, huwa l-ewwel tax-xorta tiegħu għaliex is-suldati kienu rappreżentanti mill-union tal-għażla tagħhom wara li l-Gvern ta dan id-dritt lill-membri tal-forzi dixxiplinati.

F’konferenza tal-aħbarijiet fl-Air Wing tal-Armata, il-Prim Ministru Robert Abela qal li b’dan il-ftehim se nkomplu naraw lill-Armata tikber, tissaħħaħ u timxi ’l quddiem. Sostna li Gvern immexxi minnu tabilħaqq u bil-provi jemmen fil-ħidma tal-forzi dixxiplinati.

“Illum ma ġejtx hawn biex inħabbar xi miżuri ta’ awsterità, xi taxxi ġodda jew tnaqqis fil-benefiċċji minħabba l-pandemija. Ġejt sabiex inħabbar l-akbar pakkett finanzjarju li qatt ibbenefika minnu s-suldat”, saħaq Dr Abela.

Żied li llum il-Gvern qed jinvesti fir-riżorsa umana, fil-qalba tal-Armata, b’mod saħħtu ħafna. Fl-istess waqt għaddej investiment bla preċedent f’dak li huwa apparat għall-Armata. Dan kollu, qal il-Prim Ministru, qed isir biex is-suldati jkunu jistgħu jaqdu d-dmirijiethom bl-aqwa mod u bl-għajnuna tal-aħjar apparat disponibbli.

Permezz ta’ dan il-ftehim is-suldati kollha se jitilgħu skala. B’hekk se jkun hemm titjib fil-paga u eventwalment dan ikollu anke impatt pożittiv fuq il-pensjoni tagħhom. B’dan il-ftehim is-suldati se jibdew ikunu kkumpensati finanzjarjament għas-sigħat maħduma wara 40 siegħa. Dan il-prinċipju daħal fis-seħħ taħt din l-amministrazzjoni fejn ħaddiema tal-Korpi Dixxiplinati jitħallsu tas-sigħat li jaħdmu. Sal-lum is-suldati kienu jaħdmu għadd ta’ sigħat żejda fil-ġimgħa, fuq l-40 siegħa, u li tagħhom ma kinux jitħallsu. Dr Abela żied jgħid li dak li qed jagħmel illum il-Gvern hu għarfien żgħir fejn il-ħidma bla heda li jwettqu s-suldati, ’il bogħod minn qrabathom u f’ċirkostanzi li xi kultant ikunu anke riskjużi għalihom. Il-ftehim jassigura wkoll li jkun hemm żidiet sostanzjali fl-allowances li diġà jeżistu fil-Forzi Armati ta’ Malta. B’dan il-pass se jkunu rikonoxxuti aħjar ċertu speċjalizzazzjonijet.

“Jiena nagħmel appell aħħari. Tħallu lil ħadd u l-ebda ċirkustanza taqtgħalkom qalbkom jew tiskoraġġikom milli tkomplu b’ħidmietkom. Ħallu l-politika u l-inkwiet għalina, tagħtux kas lil min iżeffinkom fin-nofs, ibqgħu aħdmu għal Malta tagħna, aħna magħkom u warajkom”, appellalhom il-Prim Ministru.

Waqt li sostna li l-vjaġġ ta’ tisħiħ fil-kundizzjonijiet tal-membri tal-Forzi Dixxiplinati ma bediex hawn, il-Prim Ministru qal li b’dan il-ftehim il-Gvern ħa ħsieb jirranġa wkoll is-sitwazzjoni finanzjarja bi ftehim mal-Pulizija kif ukoll mal-membri tal-Protezzjoni Ċivili l-ġimgħa li għaddiet. Qal li jmiss huma l-gwardjani tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin bil-għan li huma wkoll jieħdu ż-żidiet mistħoqqa biex l-isforzi tagħhom jiġu wkoll ikkumpensati.

Il-Ministru għall-Intern, Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri spjega li lill-ħaddiema l-gvern ma jirringrazzjahomx bil-kliem biss. “Illum nifirħu flimkien għax il-pajjiż qed isellem il-ħidma tagħkom,” qal il-Ministru Camilleri li fisser kif dan il-ftehim jagħti valur u rispett ikbar lix-xogħol li jwettqu l-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta.

Il-Ministru Camilleri nnota kif dan hu ftehim ieħor li jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema li l-gvern qed jiffirma waqt li qegħdin f’pandemija. Tenna li l-gvern jinsab wara s-suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta “illum u dejjem.”

Dan il-ftehim ġie ffirmat mill-Brigadier tal-Forzi Armati s-Sur Jeffrey Curmi, is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi s-Sur Kevin Mahoney, is-Segretarju Taqsima Forzi Dixxiplinati, Uffiċjali tas-Sigurtà u Infurzar tal-Liġi tal-General Workers Union s-Sur Theo Vella, u l-Membru fil-kumitat għall-Armata fi ħdan il-General Workers Union, il-Kaptan Emanuel Bugelli.

Dan fil-preżenza tal-Prim Ministru Robert Abela, il-Ministru għall-Intern, Sigurta Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri, u s-Segretarju Permanenti Ewlieni s-Sur Mario Cutajar.

Share With: