Il-familji f’pajjiżna fost l-anqas li ħassew impatt ekonomiku mill-COVID-19

Minn Victor Vella

Stħarriġ magħmul mill-Parlament Ewropew fost il-familji f’kull pajjiż fl-Unjoni Ewropea rrivela kif il-familji Maltin u Għawdxin huma fost l-anqas li qallu li ġew affettwati ekonomikament mill-pandemija.

Dan l-istħarriġ sar fost 25,000 familja madwar l-Unjoni Ewropea bejn il-25 ta’ Settembru u s-7 ta’ Ottubru biex il-Parlament Ewropew jifhem aħjar l-impatti reali tal-pandemija. F’waħda mid-domandi, il-familji ġew mistoqsija jekk mindu bdiet l-imxija tal-COVID-19 huma esperjenzawx numru ta’ żviluppi. Fost dawn kien hemm jekk naqasx id-dħul, jekk il-familja kellhix iddur għal tifdil li kien sar fi snin preċedenti u anke jekk il-pandemija waslitx biex intilef l-impieg jew tnaqqsu s-sigħat tax-xogħol. L-istħarriġ investiga wkoll jekk dawn il-familja kellhomx jirrikorru għall-għajnuna finanzjarja mingħand familjari jew ħbieb tagħhom. Barra minn hekk inġabret informazzjoni fuq kemm il-familja spiċċat bi problemi biex tmantni l-membri tagħha, kif ukoll jekk kienx hemm problemi finanzjarji, per eżempju biex jitħallsu kontijiet jew djun.

Mir-rapport jirriżulta li l-familji f’pajjiżna kienu fost it-tlett pajjiżi fejn l-akbar proporzjon stqarrew li ma ħassewx minn dawn l-effetti. Filfatt kienu 57% tal-familji ntervistati li sostnew li ma battew mill-ebd impatt. Din il-maġġoranza assoluta tikkuntrasta sewwa mal-medja Ewropea ta’ 39%, għax timplika li l-proporzjon tal-Maltin u l-Għawdxin li ma soffrewx impatt ekonomiku mill-pandemija kien darba u nofs dak fl-Unjoni.  L-agħar riżultat kien fil-Ġreċja fejn kienu biss 20% li ma ntlaqtux mill-effetti tal-imxija.

Għalkemm 22% tal-familji f’pajjiżna qallu li kellhom dħul anqas, kienu biss 16% li sostnew li kellhom bżonn iduru għat-tifdil ta’ snin passati. B’kuntrast fil-Bulgarija kienu 40% tal-popolazzjoni li spiċċaw jieklu minn ġewwa.

Ir-rapport tal-Parlament Ewropew jindika wkoll li “unemployment or partial unemployment is most likely to be reported as a problem by respondents in Hungary and Croatia (both 30%), while the lowest proportions are seen in Malta (8%) and Luxembourg (9%).” Dan jikkonferma kemm il-programmi ta’ assistenza tal-Gvern, bħall-wage supplement, issalvagwardjaw l-impjiegi f’pajjiżna. Il-proporzjon ta’ familji affetwati f’pajjiżna kien kważi tlett darbiet anqas mill-medja Ewropea. 

L-istħarriġ jindika kemm l-għajnuniet li offra l-Gvern Malti kienu ffukatti fuq dawk li jifilħu l-anqas fis-soċjeta. Filfatt kienu biss 4% tal-familji li sostnew li għandhom problema biex imantnu ruħhom. Dan huwa t-tieni l-anqas proporzjon madwar l-Unjoni Ewropea, u huwa erbgħa darbiet agħar mill-proporzjon osservat fil-Bulgarija u nofs il-medja Ewropea.

Anke fejn jidħlu problemi finanzjarji mindu bdiet il-pandemija, Malta tispikka bħala relattivament f’qagħda tajba.  Dan fil-kuntest li f’pajjiżi bħal Ċipru u l-Ġreċja huma aktar minn-nofs il-popolazzjoni li stqarrew li jinsabu f’qagħda mwergħa ħafna. 

Is-suċċess tal-impenn tal-Gvern Malti joħroġ ukoll mill-analiżi li għamlu l-esperti mqabbda mill-Parlament Ewropew. Tant li fir-rapport jingħad li “respondents are most likely to totally support their national government in Malta (24%) and the Netherlands (23%), while respondents in Bulgaria (35%) and Poland (30%) are most likely to totally oppose their national government”. Interessanti kif l-MEP Roberta Metsola dejjem tattakka l-Gvern Malti, li jgawdi mill-aqwa appoġġ fl-Ewropa, u minflok tappoġġja lill-Gvern Bulgaru, fejn jispikka n-nuqqas ta’ appoġġ popolari.

Filwaqt li l-Opposizzjoni titkellem kontra l-miżuri li ħa l-Gvern biex jikkumbatti l-effetti tal-pandemija, r-rapport tal-Parlament Ewropew isostni li “respondents in Luxembourg (26%), Malta (25%) and Denmark (23%) are most likely to be very satisfied with measures taken by their government”. Dan jindika għal darba oħra li l-kampanja ta’ negattiviżmu mmexxija mill-Opposizzjoni ma hijiex tirnexxi. Huwa f’dan il-kuntest li qed tikber il-pressjoni fuq il-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista biex jaddotta linja ġdida u jwarrab esponenti meqjuza bħala maqtugħin mir-realta li qed jesperjenzaw il-familji Maltin u Għawdxin. 

Share With: