Il-GWU bi ftehim kollettiv għall-ħaddiema ta’ Crane Currency

Il-General Workers’ Union (GWU) iffirmat ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema tal-Crane Currency. Permezz ta’ dan il-ftehim, b’effett mill-1 ta’ April 2019 sal-aħħar ta’ Marzu 2022, se jkun hemm titjieb fil-kundizzjonijiet u s-salarju tal-ħaddiema.

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja qal: “Dan kien il-qofol ta’ proċess twil ħafna li l-GWU kienet inizjalment involuta fit-tħassib tagħha, mhux fil-bini, imma mill-ewwel kunċett wara li kienu se jispiċċaw ħafna ħaddiema bla xogħol, il-GWU għamlet kuntatt bis-saħħa tat-Taqsima Teknoloġija u Komunikazzjoni biex din il-kumpanija ġiet hawnhekk. Bl-iffirmar ta’ dan il-ftehim kollettiv ġdid ilħaqna l-qofol u dan se jagħti benefiċċji ġodda lill-ħaddiema kollha tal-Crane Currency. Huwa tassew ta’ sodisfazzjon għalina u l-ikbar sodisfazzjon huwa li kemm il-mangement u kemm il-GWU jitkellmu dwar partnership hawnhekk. Ma nitkellmux dwar avversarji imma nitkellmu kif aħna se nġibu x-xogħol u kif se ngħinu lil xulxin.”

Is-Segretarju tat-Taqsima Teknoloġija, Elettronika u Komunikazzjoni David Darmanin qal li jinsab sodisfatt ħafna bl-iffirmar ta’ dan il-ftehim kollettiv. Huwa qal: “Il-fatt li bħala GWU konna aħna l-ewwel li għamilna kuntatt barra mill-pajjiż mad-diretturi ta’ din il-kumpanija biex inħajruhom u kemm nistgħu ngħinuhom biex jiġu jarmaw Malta. Dik kienet ta’ sodisfazzjon li minn hemm skatta l-proċess mal-gvern biex iseħħ dan, kif fil-fatt ġara. Sodisfazzjon kbir ieħor huwa li ftit taż-żmien wara ħadna r-rikonoxximent tal-Union u kuntenti li wasalna għall-iffirmar ta’ dan il-ftehim kollettiv li jfisser titjieb fil-kundizzjonijiet u ovjament fis-salarju tal-ħaddiema. Inħarsu ‘l quddiem biex inkomplu ntejbu fuq li bnejna.”

L-Operations Director ta’ Crane Currency John Scott qal li r-relazzjoni bejnhom u l-GWU hija waħda sabiħa fejn iż-żewġ partijiet jaħdmu bħala tim u żied jgħid li jinsabu sodisfatti ħafna bl-iffirmar ta’ dan il-ftehim kollettiv. Filwaqt li ddeskrivih bħala ftehim kollettiv li huwa maħsub sew, huwa qal li dan kien sforz kollettiv minn kulħadd u l-iffirmar tiegħu kien rikonoxximent ta’ dan. Scott tkellem dwar il-prijoritajiet dwar kif jaħdmu fil-fabbrika tagħhom fejn fost l-oħrajn semma kif is-sigurtà tiġi qabel kull ħaġa oħra. Żied jgħid li s-sena 2020 kienet waħda straordinarja f’terimini tal-impatt ta’ Covid-19 u semma r-rekwiżit għall-volumi addizzjonali ta’ flus fejn din il-faċilità irrispondiet għal dan.

Il-ftehim kollettiv kien iffirmat mis-Segretarju tat-Taqsima Teknoloġija, Elettronika u Komunikazzjoni David Darmanin, mill-Operations Director ta’ Crane Currency John Scott, l-HR Director tal-kumpanija Mariella Marinkovic u s-shop stewards. Preżenti għall-iffirmar tal-ftehim kollettiv kien hemm ukoll il-President tal-GWU Victor Carachi, is-Segretarju Ġenerali Josef Bugeja u l-Viċi-Segretarju Ġenerali Kevin Camilleri.

Share With: