Il-GWU b’tilwima industrijali mal-kumpanija Campo Santo Ltd

It-Taqsima GWU Gvern u Entitajiet Pubbliċi rreġistrat tilwima industrijali mal-kumpanija Campo Santo Ltd., l-operaturi taċ-ċimiterju tal-Addolorata, fir-rigward tal-ħlasijiet pendenti lill-ħaddiema b’konnessjoni mal-bdil tal-ħinijiet u roster tax-xift.

It-Taqsima saħqet li għalkemm f’kull laqgħa li saret bejn il-maniġment ta’ Campo Santo Ltd u l-GWU, flimkien mar-rappreżentati tal-ħaddiema f’dan ir-rigward, il-maniġment dejjem ikkonferma li se jonora l-ftehim, jiġifieri li l-ħaddiema jibqgħu jirċievu l-istess ammont ta’ salarju bħallikieku għadhom jaħdmu bix-xift, dan il-ftehim baqa’ qatt ma ġie onorat. 

Wara li l-istess Taqsima kitbet lill-maniġment għal darba darbtejn u baqgħet ma rċeviet l-ebda risposta, ma kellha l-ebda għażla oħra ħlief li tirreġistra tilwima industrijali mal-kumpanija. Fl-istess waqt, saħqet li qiegħda tirrisera dritt għal azzjonijiet ulterjuri. 

Share With: