“Il-karriera politika tiegħi spiċċat mhux għax ridt jien”

Silvio Parnis jinsab imweġġa’ b’dak li seħħ fir-reshuffle tal-Kabinett… jgħid li mhux se jikkontesta fl-elezzjoni ġenerali li jmiss

Minn Claudio Coleiro

“Jiena ħassejt li b’dak li ġara s-Sibt spiċċat il-karriera politika tiegħi. Jiena kif tridni nikkontesta meta n-nies ma nistax ngħinhom? Kif nista’ nikkontesta elezzjoni meta miegħi għandi żwiemel fejn jistgħu jaqdu lin-nies?”.

Iddikjara dan il-Membru Parlamentari Silvio Parnis meta f’intervista ma’ Inewsmalta tkellem dwar ir-reshuffle li għamel il-Prim Ministru Robert Abela fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet.

Parnis beda biex qal li wara li tteħidlu d-dekasteru tal-anzjani, il-Prim Ministru kien tkellem miegħu u offrielu li jagħtih id-dekasteru tal-Kunsilli Lokali. Huwa iżda qal li ma aċċettax għaliex ħass li ma kien għamel xejn ħażin fil-pandemija u li dak li għamel, għamlu skont il-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa.

“Li kieku kien hemm xi ħadd ieħor se jaħdem bl-istess mod għax dawk kienu l-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa li dejjem imxejna magħhom. Jiena lill-Prim Ministru għedtlu li ma kontx lest li ninżel tarġa. Dan kollu wara li jien dejjem ħdimt.”

“Il-Prim Ministru qalli qed noffrilek din il-kariga u trid tagħtini risposta jekk hux se taċċettaha jew le. Jien ma aċċettajtx għax qabel kelli l-Kunsilli Lokali u l-LESA. Jiena dejjem ħdimt biex qdejt lin-nies u dak kien l-għan tiegħi fil-politika,” qal Parnis. “Il-Prim Ministru b’dak li għamel weġġagħni. Weġġa’ lill-familja tiegħi, lill-ħbieb tiegħi u lil dawk ta’ madwari.”

Żied jgħid li huwa dejjem iġġieled il-korruzzjoni u li l-politika dejjem użaha biex jgħin u jservi lin-nies filwaqt li daħal nadif u se joħroġ minnha nadif. Għaldaqstant, wara dak kollu li ġara, ħass li ma jistax jikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss.

“Minkejja dak kollu li seħħ bejni u l-Prim Ministru, li jien kont inqisu l-akbar ħabib, lill-partit mhux se nagħmillu ħsara. Lil Robert Abela xorta se nibqa’ nirrispettah għalkemm weġġagħni,” kompla jgħid Parnis. 

Huwa wissa li rridu noqogħdu attenti, għaliex issa qed nispiċċaw kull darba li l-Oppożizzjoni jew l-Occupy Justice jippontaw subahom lejn id-Deputati, jrid ikun hemm min jirriżenja. “Allura nagħmel mistoqsija, aħna kollha ħżiena u huma kollha tajbin?”.

“Jekk f’din il-pandemija kellhom jitilqu Ministri f’dekasteri għaliex naħseb ma rnexxejniex fil-pandemija, allura d-dinja kollha jridu jirriżenjaw il-Ministri kollha li għandhom fil-qasam tal-anzjani, tal-edukazzjoni, tat-turiżmu? F’Malta biss din l-eċċezzjoni?”

“Minkejja li l-PM weġġagħni, jiena xorta nitlob għalih. Xorta naħfirlu. Imweġġa’ imma żgur mhux se nagħmel ħsara lil dan il-partit illi ħabbejt.”

“Id-deċiżjoni li ma nikkontestax ħadtha mis-Sibt li għadda”

Parnis enfasizza li: “kelli nieħu deċiżjoni li ma nikkontestax l-elezzjoni. Dan meta kont qed naħdimha l-elezzjoni u kelli surveys b’saħħithom f’idejja li fid-distrett li nikkontesta qed inżid bil-kbir. Allura li jien ittini daqqa bħal dik u ma nkunx nista’ naħdem, ma kellix għażla oħra.

“Grazzi lil dawk kollha li ħadmu miegħi, lil sħabi kollha, helpers, staff, u dawk kollha ġenwini. Indunajt kemm kien hemm nies ġenwini. Nirringrazzja wkoll lin-nies mill-bank tal-Oppożizzjoni li ċempluli.”

Finalment, huwa qal li l-Prim Ministru jibqa’ l-Prim Ministru u li l-prerogattiva ta’ reshuffle hi tiegħu u kellu kull dritt li jagħmel l-għażliet tiegħu. Qal li mill-banda l-oħra huwa bniedem uman ukoll u li għandu dritt għall-għażliet tiegħu.

“Ħsara lill-partit u lill-PM mhux se nagħmel. Imweġġa’. Però rrid inħares ‘il quddiem. 23 sena nservi b’kuntentizza lin-nies. Ħa nibqa’ fil-Parlament. Lill-PL minix se nagħmillu ħsara. Qatt ma kelli ħsieb li nieqaf. Kont preparat li nikkontesta l-elezzjoni. Id-deċiżjoni li ma nikkontestax ħadtha minn nhar is-Sibt li għadda. 

“In-nies huma tad-demm u l-laħam u jħossu. Ir-rispett jibqa’ lejn il-PM, ħsara mhux se nagħmillu. Però ddispjaċieni għax kont inqisu l-akbar ħabib li kelli fil-politika. Dejjem tkellimna bl-ikbar ħbiberija. Naħfer ukoll lil dawk kollha li għamluli ħafna ħsara fl-10 xhur tiegħi fil-ħidma tas-Segretarjat tal-Anzjani,” temm jgħid Parnis.

Share With: