Il-kelb tad-Dwana Peter ikompli bis-sejbiet ta’ flus mhux dikjarati fl-ajruport

Peter, il-kelb tad-Dwana, għal darba oħra kellu rowel importanti f’sejba fl-ajruport. Huwa rnexxielu jxomm ammont konsiderevoli ta’ flus li kienu f’bagalja ta’ Malti li kien se jħalli pajjiżna lejn l-Istanbul. Din kienet sena rekord għal sejbiet mill-kelb tad-Dwana Peter, li jispeċjalizza f’sejbiet ta’ flus.

Wara li l-kelb identifika l-passiġġier, l-uffiċjali tad-Dipartiment ta’ Kontra l-Ħasil tal-Flus fl-ajruport staqsewh kemm kien qed iġorr flus. Il-passiġġier wieġeb li huwa konxju tal-liġi u kien qed iġorr inqas minn €8,000.

Minħabba r-reazzjoni tal-kelb, l-uffiċjali ma kinux konvinti bir-risposta tar-raġel u għamlu tfittxijiet fil-bagalja li kien qed iġorr miegħu, fejn kellu kważi €10,000.

F’bagalja oħra li kien diġà għadda meta għamel iċ-check-in, instabu €2,000, bl-ammont totali ta’ flus mhux iddikjarati fiż-żewġ bagalji kien ta’ €11,980. Ir-raġel ġie mmultat mill-ewwel kif stipulat bil-liġi, u l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin b’rabta ma’ attivitajiet illegali.

Din is-sejba hija riżultat ta’ ħidma kollaborattiva bejn it-Taqsima tad-Dwana ta’ Kontra l-Ħasil tal-Flus, u t-Taqsima tal-Klieb. Skont il-liġi Maltija, flus jew ċekkijiet b’valur ta’ għaxart elef ewro jew iktar għandhom jiġi ddikjarati mal-Uffiċċju tad-Dwana qabel jew waqt vvjaġġar.

Share With: