“Il-kokaina saret il-mod ġdid kif taħrab mill-problemi”

Isostni dan id-Direttur tal-Caritas Anthony Gatt

Id-Direttur tal-Caritas Anthony Gatt iqis iż-żieda fl-użu tal-kokaina bħala mod ġdid kif ħafna persuni qed jaħarbu mill-problemi waqt li fl-istess waqt jieħdu pjaċir inkluż ma’ nies oħra f’parties.

Dan b’kuntrarju ma’ dawk li jieħdu l-eroina li għalkemm jużaw din id-droga biex ukoll jaħarbu mir-realtajiet li jkunu qed jgħixu iktar ifittxu li joqgħodu waħedhom.

Gatt qal dan waqt li kien qed jitkellem ma’ Inewsmalta l-għada tal-maratona ta’ ġbir ta’ fondi b’risq l-istess Cartias li matulha nġabret is-somma ta’ €668,000.

Huwa beda esprima s-sodisfazzjon tiegħu li rnexxielhom jiġbru l-ftit mingħand il-ħafna u fakkar kif għalkemm huma magħrufa iktar għall-ħidma li jagħmlu ma’ dawk bil-vizzju tad-droga joffru wkoll diversi servizzi oħra ta’ ‘counselling’ u ħidma soċjali.

Gatt irrefera wkoll għall-aħħar rapport dwar id-droga, alkoħol u tipjip fost l-adoloxxenti fejn esprima s-sodisfazzjon li kien hemm tnaqqis fil-konsum tal-alkoħol u t-tipjip u tnaqqis żgħir fl-użu tal-kannabis għax stenna li se jkun hemm żieda.

Fl-istess waqt esprima tħassib għaż-żieda fil-perċezzjoni li l-kannabis ma tagħmilx ħsara u nsista li hemm ħafna riċerka li turi kif fl-adoloxxenti ħsara tagħmel.

Dwar is-sitwazzjoni attwali fejn jidħol konsum tad-droga d-Direttur tal-Carittas semma kif issa ilhom tliet snin josservaw żieda f’dawk li jirrikorru għandhom għall-għajnuna minħabba l-kokaina mentri dawk li jfittxu l-għajnuna minħabba l-eroina naqas.

Kien hawn li meta ġie mistoqsi għaliex din it-tendenza li aktar nies qed jużaw il-kokaina u inqas l-eroina semmilna li għalkemm iż-żewġ tipi ta’ droga huma ħarbiet mir-realtajiet il-kokaina qed tintuża aktar waqt parties fejn wieħed jirrikorri għaliha biex fl-istess ħin jieħu gost.

Magħha jorbot il-fatt li l-prezz tal-kokaina naqas, anke jekk xorta għadha ġġib prezz ogħla mill-eroina, u hemm ħafna li qed jużawha biex ikunu jistgħu jifilħu jixorbu aktar.

Huwa żied li waqt li dawk li jieħdu l-eroina jagħmlu dan biex itaffu l-uġiegħ emozzjonali u meta jgħaddi l-effett tagħha malajr jispiċċaw ‘down’, il-kokaina  ġeneralment jgħaddu s-snin qabel ma persuna tirrikorri għall-għajnuna anke għax kapaċi tispiċċa bi djun kbar minħabba l-infieq fuqha.

Minbarra l-kokaina Gatt qalilna li qed josservaw żieda wkoll f’dik li tissejjaħ ‘crack cocaine’ li hija iktar qawwija għax peress li l-effett tagħha jdum ftit il-persuna tieħu iktar minnha u b’hekk tispiċċa ‘addict’.

Mill-2012 sal-2019 … il-kokaina u l-kannabis jiżdiedu, l-eroina tonqos

L-istatistika li għandha f’idha l-Caritas turi li bejn l-2012 u l-2019 żdiedu dawk li fittxew l-għajnuna tagħha minħabba l-kokaina u l-kannabis imma naqsu dawk li irrikorrew għandha minħabba l-vizzju tal-eroina.

Fir-rigward tal-kokaina minn 25% li talbu l-għajnuna fl-2012 dawn telgħu għal 27% fl-2013, għal 30% fl-2014, niżlu għal 27% fl-2015, reġgħu telgħu għal 30% fl-2016 fejn baqgħu hekk fl-2017, imbagħad raw żieda kbira ta’ 41% kemm fl-2018 kif ukoll fl-2019.

Għalkemm dawk li talbu l-għajnuna minħabba l-problema tal-kannabis żdiedu wkoll ir-rata kienet inqas fejn minn 14% fl-2012 u 2013 telgħu għal 16% fl-2014, naqsu għal 15% fl-2015, żdiedu għal 19% fl-2016, imbagħad għal 20%b fl-2017 biex telgħu għal 23% fl-2018 u għal 24% fl-2019.

It-talbiet għall-għajnuna b’rabta mal-eroina raw tnaqqis konsistenti minn 58% fl-2012 għal 55% fl-2013, 51% fl-2014, imbagħad żieda għal 53% fl-2015, tnaqwis ta’ 44% fl-2016 u 43% fl-2017 qabel ma kien hemm tnaqqis drastiku għal 31% fl-2018 li kompla niżel għal 29% matul l-2019.

Share With: