Il-kumitat tal-Formula Wieħed iniedi programm ta’ 23 tiġrija għas-sena d-dieħla

Il-kumitat tal-Formula Wieħed għadu kemm nieda programm ta’ 23 tiġrija li se jseħħu fis-sena 2021. Dan huwa kkunsidrat bħala l-iktar kalendarju vast fl-istorja ta’ dan l-isport għalkemm tneħħiet il-Grand Prix tal-Vjetnam.  

L-istaġun se  jibda fil-21 ta’ Marzu li ġej bil-Grand  Prix tal-Awstralja u se jinkludi wkoll l-ewwel tellieqa mill-Arabja Sawdita proprju fit-28 ta’ Novembru bl-istaġun jintemm ġimgħa wara f’Abu Dhabi.  

Proprjament il-Vjetnam kien se jkollhom t-tiġrija tagħhom programmata fil-25 ta’ April li ġej iżda qamu xi dubji wara li Nguyen Duc Chung, politikant minn dan il-pajjiż u wieħed li mexxa dan l-avveniment, ġie arrestat fuq akkużi ta’ korruzzjoni f’Awwissu li għadda. Fil-fatt din id-data baqgħet vakanti sabiex dak li jkun jistenna aktar żviluppi dwar dan il-każ.  

L-istaġun ta’ din is-sena tal-Formula Wieħed ġie sfrattat kompletament mill-pandemija tal-Covid-19 għalkemm xorta waħda saru 17-il tiġrija biċ-champion renjanti Lewis Hamilton li reġa’ kiseb suċċess finali.  

Fuq kollox, l-ispettaturi ma tħallewx jidħlu għal ħafna minn dawn it-tiġrijiet għalkemm l-organizzaturi qegħdin jaħsbu biex matul is-sena d-dieħla jibdew jiftħu l-aċċess għalihom. 

Share With: