Il-Ministeru għat-Turiżmu jiċċara s-sitwazzjoni dwar l-attivitajiet fil-Belt Valletta

Il-Ministeru għat-Turiżmu qal li l-organizzazzjoni tal-attività “Christmas in the City” fil-Belt Valletta ma tinkludix avvenimenti kbar u l-attivitajiet kollha li se jkunu qed jinżammu fil-miftuħ se jkunu konformi mar-regolamenti fis-seħħ kontra l-Covid-19.

Fi stqarrija l-Ministeru qal li “kif diġà ġie spjegat minħabba l-pandemija tal-Covid-19, din is-sena mhux se jkun possibbli li jiġu organizzati l-avvenimenti tal-massa jew l-attivitajiet annwali li jsiru s-soltu waqt il-Milied. Tħassru l-avvenimenti maġġuri kollha inkluż ‘Winter Wonderland’.”

Il-Ministeru żied jgħid li  “kontra l-impressjoni li ngħatat minn xi wħud, ma hu minnu xejn li fil-Belt Valletta, jew f’xi lokalitajiet oħra, se jittellgħu xi parties jew serati ta’ divertiment.”

Il-Ministeru tenna li b’konsultazzjoni sħiħa mal-kommunità kummerċjali tal-belt kapitali, l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta se żżejjen biss it-toroq ewlenin, se tinxtegħel is-Siġra tal-Milied, se jintrama l-presepju, kif ukoll se ssir projezzjoni ta’ dwal fuq il-faċċata tal-Palazz tal-President u fi Pjazza San Ġorġ.

“Il-ħsieb tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta huwa li, permezz ta’ mużika, korijiet żgħar u arti performattiva, il-familji u t-tfal Maltin u Għawdxin li jagħżlu li jidħlu l-Belt Valletta biex jixtru r-rigali lill-qraba tagħhom jew biex jieklu fir-ristoranti matul dak il-perjodu, jkunu jistgħu jidħlu fl-ispirtu pożittiv tal-Milied,” qal il-Ministeru.

“Fuq direzzjoni tal-awtoritajiet tas-saħħa, dawn l-inizjattivi żgħar u fil-miftuħ se jkunu konformi b’mod assolut mad-direttivi u l-protokolli li jkunu fis-seħħ. Kull persuna li tidħol fil-Belt Valletta trid ukoll tirrispetta l-liġijiet eżistenti fosthom l-użu obbligatorju tal-maskri u d-distanza soċjali.”

Il-Ministeru temm jisħaq li s-saħħa tan-nies tibqa’ prijorità u għalhekk ittieħdu d-deċiżjonijiet li tħabbru biex l-atmosfera tal-Milied tinħoloq skont ir-realtà differenti li qed ngħixu fiha u bil-prekawzjonijiet li kulħadd irid isegwi b’rispett lejh u lejn ħaddieħor.

Il-kjarifika tal-Ministeru waslet wara kritika li saret minn diversi għaqdiet u assoċjazzjonijiet fosthom l-Assoċjazzjoni Medika Maltija li aktar kmieni llum ikkundannat l-attitudni tal-Prim Ministru u tal-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli talli skontha injoraw pariri xjentifiċi filwaqt li l-imwiet u t-tixrid tal-Covid-19 qed ikompli kulma jmur jiżdied.

Fi stqarrija l-MAM qalet li bid-deċiżjoni dwar attivatiet tal-massa fi żmien il-Milied se jkun qed jingħata lok għal epidemija bla preċedent.

L-Assoċjazzjoni qalet li kulma jmur il-każi serji u l-imwiet kaġun tal-Covid-19 qed ikompli jiżdiedu, bl-imwiet issa jammontaw għal 81.

Fl-istess waqt qalet li hemm aktar minn 80 persuna morda serjament bil-virus fl-Isptar Mater Dei, li 12 minnhom qed jirċievu kura intensiva.

Qalet li dan ifisser li tliet wards fl-Isptar Mater Dei qed jkkuraw biss lil pazjenti infettati bil-Covid-19, u għaldaqstant il-wards l-oħrajn jinsabu taħt pressjoni biex ilaħħqu mal-pazjenti l-oħrajn.

Temmet tgħid li filwaqt li t-tobba u ħaddiema mediċi oħrajn qed ikollhom ipoġġu ħajjithom f’riskju ta’ kuljum, ġiet imwarrba mal-ġenb kull forma ta’ lockdown, filwaqt li l-poplu qed jiġi mħeġġeġ biex joħroġ u jgawdi tul il-jiem tal-festi tal-Milied.

Il-MAM qalet li dan huwa irresponsabbli u qed ipoġġi l-ħajja ta’ diversi pazjenti u ħaddiema mediċi f’riskju bla ħtieġa.

Share With: