Il-PM iżur ix-xogħlijiet ta restawr u rinovar fil-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt

Il-Prim Ministru Robert Abela żar ix-xogħlijiet estensivi ta’ restawr u rinovar li għaddejjin bħalissa fil-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt Valletta. Dawn ix-xogħlijiet huma parti mill-akbar proġett li qatt daħlet għalih Heritage Malta, fejn hu stmat li b’kollox ser jiswa madwar €28 miljun. Ix-xogħlijiet se jkunu qed jagħmlu dan il-Palazz aktar aċċessibbli u attraenti għall-viżitaturi biex ikunu jistgħu jgawdu u japprezzaw l-istorja li ħallewlna missirijietna.

L-ewwel fażi tal-proġett qed tiġi kofinanzjata mill-Unjoni Ewropea bħala parti mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għas-somma ta’ €10 miljun, filwaqt li l-fażi suċċessiva, li se tiswa madwar €18-il miljun, se tkun iffinanzjata mill-gvern Malti. L-ewwel fażi mistennija titlesta sa nofs l-2022, filwaqt li l-proġett kollu għandu jkun komplut sas-sena 2025.

Il-proġett qiegħed jiġi mmaniġġjat minn tim multidixxiplinarju ta’ professjonisti ta’ Heritage Malta, megħjun minn numru ta’ esperti esterni. Bħalissa, għaddej ġmielu x-xogħol ta’ restawr tas-soffitti ddekorati, il-ħitan impittra u l-art tal-irħam fil-kurituri tal-Piano Nobile. Matul din is-sena tlestew ukoll ix-xogħlijiet ta’ bdil tas-soqfa tal-konkos tal-istess kurituri, li nstab li kienu fi stat ħażin ħafna wara li nkixfu meta beda r-restawr tas-soffitti impittra. Dawn reġgħu nbnew kif kienu oriġinarjament, bix-xorok u travi tal-injam.

Fi ftit ġimgħat oħrajn, se jibda xogħol estensiv, parzjalment iffinanzjat minn fondi Ewropej, biex l-Armerija terġa’ ssib postha fil-lok oriġinali tagħha, jiġifieri fis-sala fejn sa ftit snin ilu kien jiltaqa’ l-Parlament.

Jakkumpanjaw il-Prim Ministru waqt din iż-żjara kien hemm il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera u s-Segretarju għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi.

Share With: